Notifiki

Delia kien f’kuntatt ma’ Fenech wara li sar magħruf li kien is-sid tal-kumpanija 17-Black

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien f’kuntatt man-negozjant Yorgen Fenech wara li sar magħruf li huwa s-sid tal-kumpanija 17-Black.

Irrappurtat dan il-gazzetta The Sunday Times hekk kif spjegat li din il-komunikazzjoni saret f’Marzu tal-2019, b’Yorgen Fenech dejjem jibgħat hu l-ewwel lil Delia.

Ftit tal-jiem ilu Adrian Delia ċaħad li qatt kellu komunikazzjoni ta’ relevanza ma’ Yorgen Fenech.

Madankollu t-Times ppubblikat erba’ sitwazzjonijiet fejn il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kien f’kuntatt ma’ dak li llum huwa is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Skont it-Times l-ewwel darba li Fenech u Delia kkomunikaw kien fil-5 ta’ Frar tal-2019. Yorgen Fenech fuq Whatsapp jistaqsi lil Delia kif inhu u li qed jaħseb fih. Jgħidlu hekk:

“Naħseb ħafna fik imma ma indejjqekx, ma nżidlekx mal-lista tal-fitti. Imma kmandani dejjem jekk jogħġbok inkun veru nixtieq nagħmel iktar. So please just call away.”

Delia jwieġbu: “Grazzi Yorgen.”

It-tieni darba li kienu f’kuntatt kien fid-19 ta’ Marzu 2019. Yorgen Fenech jerġa’ jkellem lil Adrian Delia u jgħidlu li kultant jibgħatlu biex kemm isellimlu u jara kif inhu.

Fenech jgħidlu wkoll, “Jekk ikollok moħħ jew aptit ara issibx data insajjru xi ħaġa, narawk ftit nieħdu pjaċir. Però no stress għax naf li ma jkollokx moħħ. F’idejk insomma. Aħna dejjem warajk bla kantunieri. Good day KBIR.”

It-Times tirrapporta li għal dan il-messaġġ Delia wieġeb hekk:

“Good day to you Thank you. I’ll ask Pierre to organize it.” Delia qal dan b’referenza għal Pierre Portelli li kien l-id il-leminija tiegħu.

Korrispondenza oħra li ppubblikat it-Times kienet datata għat-22 ta’ April 2019. Yorgen Fenech jibgħat ritratt ta’ kafetterija fi Vjenna lil Delia. Jibgħatielu għax il-kafetterija kellha l-isem Delia’s.

Delia jwieġbu: “Mhux brothel hux?” Delia hawnekk jagħti x’jifhem li qed jirreferi għall-akkużi li għamlitlu Daphne Caruana Galizia fis-Sajf tal-2017 fejn allegat li Delia kellu kont bankarju f’Jersey u li fih daħħal flus ġejjin mill-prostituzzjoni.

It-Times tgħid ukoll li Fenech reġa’ kkuntattja lil Delia wara d-disfatta elettorali ta’ Mejju tal-2019 fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali. Fenech jgħid lil Delia “This is not on you chief.”

Minkejja dawn il-messaġġi Adrian Delia baqa’ jsostni li qatt ma ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech mindu sar magħruf li huwa s-sid ta’ 17-Black.

Dan wara allegazzjonijiet minn dak li llum huwa Deputat Nazzjonalista.

David Thake sena ilu fuq l-istazzjon Nazzjonali saqsa lil Delia jekk qatt aċċettax flus sabiex ma jitlax David Casa fil-Parlament Ewropew.

Thake kien staqsa: “Kemm kien l-ammont li offra Yorgen Fenech biex David Casa fil-Partit ma jiġix elett? Inti forsi infurmat jew ma nafx jekk intix infurmat li offra €50,000 Yorgen Fenech biex Casa ma jiġix elett?”

Dwar din l-allegazzjoni, ftit tal-jiem ilu David Thake talab lill-Pulizija biex tinvestiga. Dan wara li Melvin Theuma taħt ġurament qal li Yorgen Fenech irrepeta din l-istess allegazzjoni.

Thake talab ukoll investigazzjoni interna fil-Partit Nazzjonalista.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Il-politiċi jiżbalja jafdaw fin-negozjanti. Twissija għal kulħadd din. Dawn in-negozjanti jilgħabuha maż-żewġ partiti. In-negozjanti kbar speċjalment bla skrupli u bla morali. Mela dan kien jilgħabha li ħabib maż-żewġ naħat.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend