Malta fit-32 post minn 166 pajjiż f’indiċi dwar il-faqar, l-enerġija, ix-xogħol u l-edukazzjoni – One News

Notifiki

Malta fit-32 post minn 166 pajjiż f’indiċi dwar il-faqar, l-enerġija, ix-xogħol u l-edukazzjoni

Malta ġiet klassifikata fit-tnejn u tletin post minn fost mija u sitta u sittin pajjiż b’total ta’ sitta u sebgħin punt, f’indiċi li jevalwa l-membri kollha tan-Nazzjonijiet Magħquda u l-implimentazzjoni ta’ numru ta’ miri f’diversi oqsma.

Il-marka mogħtija lil Malta fl-indiċi magħruf bħala SDG, tikkonferma l-impenn kontinwu tal-Gvern biex sas-sena elfejn u tletin, jinkisbu l-għanijiet u l-miri stabbiliti min-Nazzjonijiet Magħquda.

Malta kisbet riżultati tajbin ħafna fejn jidħol il-livell tal-faqar, edukazzjoni ta’ kwalità, enerġija affordabbli u nadifa, xogħol diċenti u tkabbir fl-ejonomija.

Notevoli wkoll it-titjib fl-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela – li huwa responsabbli mill-Iżvilupp Sostenibbli, irrimarka li filwaqt li hemm sinjali ta’ titjib kontinwu, hemm bżonn ta’ aktar xogħol biex jinkisbu l-għanijiet u l-miri kollha tal-Aġenda elfejn u tletin.

Huwa stqarr: “Għandna ċertifikat li mexjin fit-triq it-tajba. Ma jfissirx li wasalna f’kull mira partikolari, għandna riżultati pożittivi fuq  numru ta’ miri fil-qasam tal-SDGs qed nitkellmu fuq sbatax-il mira li jaffettwaw il-ħajja tagħna ta’ kuljum u fil-maġġoranza tagħhom qed naraw li hemm progress.”

Il-Ministru spjega li d-Direttorat tal-Iżvilupp Sostenibbli qed jaħdem fuq għadd ta’ inizjattivi li l-iskop tagħhom huwa li jissimplifikaw il-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli fil-ħidma tal-Gvern.

Il-Ministru Abela sostna: “Ninsabu fis-sena 2020, għandna għaxar snin oħra biex dawn il-miri jintlaħqu, u allura huwa ta’ kuraġġ li kull sena joħroġ dan l-indiċi fejn pajjiżna b’mod sostnut, qed ikollu dan il-progress. L-importanti li ma nistriħux fuq dan ir-riżultat pożittiv imma jagħmlilna kuraġġ biex inkomplu l-ħidma tagħna ħalli nkomplu nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.”

Photo (DOI Archives)

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend