Jinfetaħ pont pedonali ġdid li se joffri aċċess sigur mill-Blata l-Bajda saż-żona tal-Menqa fil-Marsa – One News

Notifiki

Jinfetaħ pont pedonali ġdid li se joffri aċċess sigur mill-Blata l-Bajda saż-żona tal-Menqa fil-Marsa

B’investiment ta’ madwar żewġ miljun ewro Fondi Ewropej is-Sibt filgħodu ġie inawgurat il-pont pedonali tal-Blata l-Bajda, u issa jista’ jibda jintuża mill-pubbliku għall-mixi jew bir-rota.

Il-pont li sar minn infrastruttura Malta huwa twil mija u għaxar metri u se jaqsam minn fuq Triq San Ġorġ Preca biex jgħaqqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma’ Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa fil-Marsa. Dan se jkun aċċessibli wkoll għat-terminals tal-vapuri tal-passiġieri tal-Port il-Kbir u l-faċilitajiet tal-park and ride tal-Furjana.

Biex ikun hemm aċċess aktar komdu għal kulħadd, fil-proġett ġew inklużi liftijiet u turġien.

L-istruttura għandha wkoll rampi baxxi biex iċ-ċiklisti u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jaqsmu b’mod faċli mill-karreġjata. Il-pont se jagħmilha faċli wkoll għall-passiġġieri li jkunu jridu jibdlu l-karozzi tal-linja waqt l-ivvjaġġar tagħhom minn u lejn in-Nofsinhar tal-pajjiż.

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega li dan il-pont se jżid l-aċċessibilità fl-inħawi u jnaqqas it-traffiku.

Huwa qal: “Hawnhekk qed intejbu l-aċċesibilità, post importanti fejn jgħaddu eluf ta’ karozzi imma fuq kollox anke eluf ta’ nies li jużaw tal-linja. Ħafna nies li jridu jaqsmu mill-Ħamrun u l-Pietà lejn il-Marsa u Furjana u allura dan l-intervent qed itejjeb il-konnetività u aċċesibilità.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett jilħaq diversi miri tal-Unjoni Ewropea.

Huwa sostna: “Dan il-proġett jilħaq numru ta’ miri fosthom aktar aċċesibilità għax int tista’ timxi b’mod aktar faċli u tuża rota u anke mezzi alternattivi, iżżid is-sigurezza għaliex meta taqsam m’intix taqsam mit-traffiku imma minn bridge komdu kif ukoll insaħħu dawn il-faċilitajiet li bih se nkunu qed inaqqsu traffiku flimkien mal-emmissjonijiet.”

Kull min jgħaddi minn fuq dan il-pont se jsib lilu nnifsu miexi jew isuq ir-rota qalb il-friegħi għoljin tas-siġar li hemm maġenb din l-istruttura l-ġdida.

Preżenti għall-inawgurazzjoni tal-pont kien hemm ukoll il-Ministru Josè Herrera u s-Sindki tal-Furjana, tal-Ħamrun, tal-Marsa u tal-Pietà.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend