Il-bidliet fil-liġi tat-tfal deskritti “passi ta’ ġgant” – One News

Notifiki

Il-bidliet fil-liġi tat-tfal deskritti “passi ta’ ġgant”

Il-bidliet li saru fil-liġi tat-tfal wara għexieren ta’ snin, kienu deskritti mill-Kummissarju tat-Tfal bħala passi ta’ ġgant.

Fil-ġimgħa li daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tat-tfal, dan l-istazzjon tkellem mal-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli, li kienet sodisfatta dwar numru ta’ punti f’din il-liġi, fosthom il-parteċipazzjoni akbar tat-tfal, u l-preżenza ta’ avukat tat-tfal f’kull stadju tal-proċess.

Aktar minn hekk, is-Sinjura Miceli tkellmet dwar il-fostering, u kif din il-liġi tħeġġeġ aktar familji jadottaw.

Hija spjegat: “Hemm mezzi issa, hemm diversi alternattivi, options, jista’ jkollok open adoption li wara ħames snin jistgħu jiġu addottati mill-familja fostered, u f’ċirkostanza partikolari jistgħu wkoll jingħataw il-permess li jkunu addottati wara tliet snin.”

Pauline Miceli nnutat li minn stħarriġ li għamel l-uffiċċju tagħha, joħroġ ċar li t-tfal ifittxu l-istabbiltà f’ħajjithom, u din il-liġi se tixpruna proprju dan.

Hija sostniet: “Jista’ jkollok open adoption, addozzjoni miftuħa fejn jibqagħlek kuntatt mal-ġenituri naturali għax waqt il-fostering, it-tfal iżommu kuntatt mal-ġenituri naturali. Ovvjament jekk ir-relazzjonijiet ikunu tajbin, jista’ jibqa’ dak l-arranġament fejn it-tfal jafu li għandhom ġenituri naturali, jibqgħu f’kuntatt magħhom, jafu min huma, jafu minn fejn ġejjin, imma fl-istess waqt għandhom l-istabbiltà mill-familja li tkun fostered, issa li addottathom, tista’ tagħtihom.”

Is-Sinjura Miceli temmet tgħid li din il-liġi tassigura drittijiet u protezzjoni akbar għaċ-ċkejknin.

“Dawn huma passi ta’ ġgant f’dik li hija l-kundizzjoni u d-drittijiet ta’ dawn it-tfal li qegħdin jgħixu barra mid-dar tagħhom”, qalet is-Sinjura Miceli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend