Delia jgħid li Robert Abela għaddielu l-honeymoon – One News

Notifiki

Delia jgħid li Robert Abela għaddielu l-honeymoon

Fuq l-istazzjon tiegħu, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia nfexx jattakka lill-Prim Ministru.

Lill-Prim Ministru Robert Abela, li f’dawn l-aħħar xhur fit-tmun tal-pajjiż, kulħadd iqis li kellu magħmudija tan-nar, qal li għaddielu l-honeymoon u m’għamel xejn.

Delia stqarr: “Issa ilu sitt xhur. Għaddielu l-honeymoon, m’għamel xejn.”

L-ewwel sitt xhur ta’ tmexxija ta’ Robert Abela kienet ikkarraterizzata mill-pandemija fejn il-Gvern irnexxielu isalva mal-mitt elf impjieg u żamm lin-negozji lesti għal dan iż-żmien fejn reġgħet bdiet iddur ir-rota.

Apparti minn hekk, il-pajjiż beda għaddej minn sensiela ta’ riformi u dawn ġew rikonoxxuti minn kulħadd, fosthom mill-Kummissjoni Venezja li laqgħet prattikament ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Gvern Malti favur ir-riformi fil-ġudikatura, it-tisħiħ fis-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.

Materja oħra li anki l-Kummissjoni Venezja nnutat b’mod pożittiv hija dwar il-proċess ta’ għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija, li ma ġiex magħżul mill-Prim Ministru iżda l-proċess ta’ għażla skatta wara sejħa pubblika, mill-Kummissjoni indipendenti għas-Servizz Pubbliku.

Iżda Delia baqa’ jkun negattiv u quddiem l-amministrar eċċellenti fis-saħħa tul l-imxija, Delia kritika wkoll lill-Gvern.

Huwa sostna: “Il-ħniżrijiet tal-Gvern fis-saħħa tal-poplu tagħna.”

Lejn l-aħħar tal-intervista, Delia qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen f’pajjiżna.

Huwa stqarr: “Għal snin il-Partit Nazzjonalista emmen f’Malta.”

Din id-dikjarazzjoni tistona bil-kbir meta wieħed iqis il-kampanji kostanti ta’ esponenti Nazzjonalisti kemm f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna, jippruvaw jitfgħu f’dell ikrah lil Malta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend