Se titwaqqaf aġenzija għall-vittmi tal-kriminalità – One News

Notifiki

Se titwaqqaf aġenzija għall-vittmi tal-kriminalità

Fiż-żmien li ġej ser tkun qed titwaqqaf l-Aġenzija għall-vittmi tal-kriminalità.

Wegħda elettorali ta’ Gvern Laburista li tpoġġi fuq quddiem id-drittijiet u saħħet dawk li kienu vittmi f’każijiet ta’ kriminalità f’pajjiżna.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri waqt konsultazzjoni bl-isem ‘Vuċi lill-Vittma’ u li fiha pparteċipaw diversi għaqdiet mhux governattivi li jipprovdu servizzi ta’ għajnuna lill-vittmi tal-kriminalità.

Din l-aġenzija ser tkun qed tinkludi fi ħdanha l-professjonijisti kollha meħtieġa flimkien ma’ helpline aċċessibbli għall-aħħar sabiex taqdi l-esiġenzi ta’ kulħadd.

Il-Ministru Camilleri sostna wkoll kif din l-aġenzija mhux ser tkun qed tikkompeti ma’ għaqdiet mhux governattivi oħrajn fis-settur iżda ser tkun qed taħdem id f’id magħhom sabiex toffri servizz aktar ċentralizzat.

Huwa stqarr: “Is-servizzi li ser ikunu qed jinġiebu taħt saqaf wieħed huma dawk tal-Victim Support Unit tal-Korp tal-Pulizija li naħseb llkoll naqblu li joffru servizz tajjeb ħafna, dak li bħalissa hemm il-Hate Crime Unit u anke s-servizzi għall-vittma li llum anke huma mmexxija mid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole.”

Intant l-Ispettur Sylvana Gafà li tmexxi t-taqsima ta’ għajnuna għall-vittmi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija sostniet li l-konsultazzjoni li saret ser tkun qed tassigura aħjar it-tfassil ta’ din l-aġenzija u l-ħidma tagħha fix-xhur li ġejjin.

Sostniet ukoll l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ aġenziji hekk kif ta’ kuljum il-Pulizija jirċievu ammont kbir ta’ rapport għall-għajnuna.

L-Ispettur Gafà spjegat kif il-vittmi tal-vjolenza domestika huma l-aktar li jfittxu l-għajnuna ma’ din it-taqsima.

Hija spjegat: “L-aktar nies li jfittxu s-sapport tagħna huma każijiet fejn jinvolvu każijiet ta’ vjolenza domestika. Dawk nista’ ngħid li huma l-bulk tax-xogħol tagħna però mbagħad apparti minn dawk għandna anke wkoll nies vulnerabbli bħalma huma l-anzjani u t-tfal li jkollhom bżonn sapport kontinwu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend