L-MCAST b’kollaborazzjoni ta’ 3 snin mal-Assoċjazzjoni tal-Importaturi tas-Sistema tal-Arja kkundizzjonata – One News

Notifiki

L-MCAST b’kollaborazzjoni ta’ 3 snin mal-Assoċjazzjoni tal-Importaturi tas-Sistema tal-Arja kkundizzjonata

L-MCAST ħabbret kollaborazzjoni ta’ 3 snin mal-Assoċjazzjoni tal-Importaturi tas-sistemi tal-Arja kkundizzjonata għall-iżvilupp ta’ persuni kwalifikati u tekniċi fis-settur.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici flimkien mal-Kap Eżekuttiv u l-Principal tal-MCAST il-Prof. Joachim Calleja, hekk kif spjegaw li din il-kollaborazzjoni se toffri 30 post ta’ apprentistat.

Kollaborazzjoni li ser tara wkoll lill-istudenti li ser jieħdu sehem jingħataw paga addizzjonali mal-istipendju tagħhom sabiex ikollhom dħul li jlaħħaq il-paga minima f’pajjiżna.

Il-faċilitajiet ġodda ser ikunu ffinanzjati mill-Assoċjazzjoni tal-Importaturi tas-sistema tal-arja kkundizzjonata bħala parti minn dan il-ftehim.

Il-President tal-Assoċċjazzjoni Steve Azzopardi qal li s-sehem tagħhom f’din l-iniżjattiva hija xprunata mit-twemmin li l-edukazzjoni vokazzjonali hija essenzjali sabiex tipprepara lill-istudenti għad-dinja tax-xogħol.

Fil-fatt ma’ ONE News sostna l-importanza ta’ aktar nies tekniċi kwalifikati f’dan is-settur hekk kif ħafna kumpaniji mhux ilaħħqu mad-domanda.

“Bħalissa mhux inlaħħqu mad-domanda allura u għalhekk dan is-settur qed jinżamm milli jikber purament għax m’hawnx in-nies tekniċi biżżejjed biex ifornuh.”

Il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST il-Prof. Joachim Calleja sostna kif din il-kollaborazzjoni se tippermetti studenti jaħdmu mal-isponsor tagħhom li eventwalment isir anke l-post tax-xogħol tagħhom.

Intant il-Ministru Owen Bonnici faħħar il-ħidma sabiex seħħet din il-kollaborazzjoni. Qal ukoll li bħala Gvern jinsabu kommessi sabiex jitħejjew korsijiet li huma relevanti għad-dinja tax-xogħol.

“B’dan il-mod nistgħu nħarrġu studenti biex jidħlu f’karrieri li jrendulhom paga tajba, irendulhom xogħol tajjeb u futur tajjeb ħafna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend