Iwieġeb mhux ħati li qatel u ħeba l-katavru tal-eks sieħba tiegħu Charlene Farrugia fis-Sur tal-Belt – One News

Notifiki

Iwieġeb mhux ħati li qatel u ħeba l-katavru tal-eks sieħba tiegħu Charlene Farrugia fis-Sur tal-Belt

L-Ingliż John Paul Woods ta’ 40 sena wieġeb mhux ħati li qatel u ħeba l-katavru tal-eks sieħba tiegħu Charlene Farrugia fis-sur tal-Belt. Farrugia ilha kważi tnax-il sena irrapurtata nieqsa u l-fdalijiet tagħha kienu nstabu moħbija fis-sur tal-Belt lura fl-20 ta’ Lulju tas-sena l-oħra. 

Woods kien diġà qed jinżamm fil-Faċilita Korettiva ta’ Kordin, minħabba li s-sena li għaddiet huwa kien ġie arrestat waqt attentat ta’ hold-up armat b’sikkina, f’ħanut fil-Gżira.

Meta kien qiegħed jinżamm arrestat Woods tkellem dwar l-għibien ta’ Charlene Farrugia u allegatament qal li kien qatilha hu u indika fejn kien hemm il-fdalijiet tagħha.

Fil-Qorti quddiem il-familjari ta’ Charlene Farrugia rrapreżentati mill-avukat Mario Misud, l-akkużat wieġeb mhux ħati tar-reat.

Wara is-sejba tal-fdalijiet tal-vittma l-ewwel riżultati urew li dawn kienu fdalijiet ta’ mara u minnufih saru testijiet tad-DNA.

Fit-13 ta’ Awissu 2019 dawn kkonfermaw li l-fdalijiet misjuba kienu ta’ Charlene Farrugia.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa filgħodu, il-pulizija qalet li wara kwazi tnax-il sena ta’ investigazzjoni l-pulizija ġabbret biżżejjed evidenza biex tkun tista’ tressaq il-persuna quddiem il-qrati tal-ġustizzja.

Brandon Pisani mis-Center Media Relations Unit spjega: “Biex tressaq irid ikollok evidenza konkreta illi persuna tkun tista’ tittressaq il-Qorti u fl-aħħar sigħat in-naħa tal-investigaturi ġabu biżżejjed evidenza biex din il-persuna tkun qed titressaq il-Qorti akkużata bl-allegat qtil ta’ Charlene Farrugia. ”

Is-Supretendent Ramon Cassar saħaq li l-investigazzjonijiet fuq dan il-każ għadhom għaddejjin. Bl-investigazzjonijiet qed jitmexxew minnu, mill-Ispettur James Grech u l-ispettur Jonathan Ransley.

Huwa stqarr:  “Il-każ mhux magħluq, jista’ jkun li jkun hemm persuni oħra li setgħu kienu b’xi mod involuti.”

Charlene Farrugia kienet ġiet irrapurtata nieqsa fis-6 ta’ Novembru 2008. Il-Pulizija kienu bdew bl-investigazzjoni u ġabru għad ta’ filmati filwaqt li saru checks fl-ajruport u fil-portijiet biex tinstab iżda dan ma kien ħalla l-ebda frott.

Il-pulizija qatt ma eskludiet li dan seta’ jkun każ ta’ omiċidju. Mill-investigazzjoni tal-pulizija nstab li l-allegat delitt kien seħħ f’appartament f’San Pawl il-Baħar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend