It-tagħlim virtwali jeħtieġ jibqa’ għażla – il-MPE Josianne Cutajar – One News

Notifiki

It-tagħlim virtwali jeħtieġ jibqa’ għażla – il-MPE Josianne Cutajar

Jekk verament nixtiequ li l-edukazzjoni għall-istudenti tagħna tkun iktar aċċessibbli għal kulħadd, għandna nżommu l-għażla ta’ lezzjonijiet online, lil hinn mill-kuntest tal-pandemija.

Saħqet dan il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar, f’laqgħa li kellha mal-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG), fejn fissret kif din il-flessibilità għandha potenzjal kbir li tgħin lill-istudenti preżenti, iżda wkoll tattira iktar individwi lejn l-istudju.

Cutajar fissret kif it-tagħlim online għandu jkun biss għażla, u m’għandux jibdel għal kollox it-tagħlim tradizzjonali.

“Investiment fit-tagħlim virtwali jagħmel l-edukazzjoni aktar aċċessibbli. Dan jagħti opportunitajiet ġodda lill-Maltin u l-Għawdxin sabiex isaħħu l-ħiliet tagħhom għal dinja tax-xogħol moderna, u kif ukoll lill-istituzzjonijiet edukattivi lokali biex jikkompetu f’suq globali kompetittiv.”

Is-sejħa biex l-għażla alternattiva ta’ tagħlim online tibqa’ b’mod permanenti qiegħda ssir minn diversi studenti, fosthom il-GUG, f’isem l-istudenti Għawdxin, li wkoll bbenefikaw minn din l-opportunità matul l-imxija tal-COVID-19. Bl-istess mod, numru ta’ żgħażagħ li qed jiġġieldu mal-marda tal-kanċer, faħħru l-benefiċċji tat-tagħlim virtwali hekk kif qalu li setgħu jibqgħu għaddejjin bl-istudji tagħhom permezz tal-għodda virtwali.

“Iċ-ċirkostanzi tal-ħajja tagħna m’għandhomx itellfulna ċ-ċans li niżviluppaw: ladarba għandna l-mezzi, ejja nużawhom,” saħqet Josianne Cutajar, waqt li ddeskriviet it-tagħlim virtwali bħala l-aqwa għodda li għandna biex nagħmlu l-edukazzjoni aċċessibbli għal kulħadd.

B’referenza għall-inizjattiva favur il-flessibilità fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li tnediet ftit tal-ġimgħat ilu, Cutajar qalet li l-istess vantaġġi tal-flessibilità fix-xogħol, qiegħdin fil-flessibilità fl-istudju.

“Ma nistgħux nistennew li nilħqu bilanċ denju bejn il-ħajja privata u x-xogħol jekk l-użanzi t-tajbin ma nadottawhomx miż-żgħożija,” qalet Josianne Cutajar.

L-MPE Cutajar, li qed tinfluwenza l-politika diġitali Ewropea b’numru ta’ dossiers li qed tinnegozja f’isem is-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew, sejħet għal investiment serju, u għas-sinerġiji bejn is-settur pubbliku u privat, sabiex jikbru l-opportunitajiet għal tagħlim b’mod diġitali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend