Il-ħolma tiegħi u tagħna hija li nkomplu nagħmlu l-ġid f’dan il-pajjiż – Il-PM – One News

Notifiki

Il-ħolma tiegħi u tagħna hija li nkomplu nagħmlu l-ġid f’dan il-pajjiż – Il-PM

 

 

 

Wara li l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista approva proposta mressqa mill-Amministrazzjoni biex jiskatta mekkaniżmu għall-bidla fl-istatut dwar il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, il-Ħamis filgħaxija, il-plenarja tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja kkonfermat din il-bidla fl-istatut.

Bi qbil unanimu, ġie deċiż li din il-kariga timtela’ minn persuna li ma tkunx Membru Parlamentari.

Min jokkupa din il-kariga, mhux se jitħalla joħroġ għall-elezzjoni ġenerali sa sentejn wara li jkun spiċċa mill-istess kariga.

Indirizza lid-delegati l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.

Beda mill-ewwel billi qal li dan huwa Gvern u Partit b’saħħtu għaliex jibqa’ għaddej bil-bidliet, li mhux dejjem ikunu faċli, imma kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet.

Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Il-kuraġġ li tbiddel, biex iżomm gvern, biex iżomm partit aktar relevanti. U kważi kważi tgħid li huwa ironiku li fil-mitt sena mit-twaqqief tal-partit, flok qegħdin niċċelebraw, qegħdin inkomplu nbiddlu. Imma dak huwa il-kuraġġ. Bħalissa għaddejjin miż-żmien fejn stajna għadna komdi u nogħqodu niċċelebraw il-ġrajjiet b’sena sena li wasslu għall-għeluq il-mitt sena. Dak nagħmluh ukoll, għaliex kollox importanti, imma l-aktar prijorità tal-lum hija dik li nkomplu nġeddu.”

Lid-delegati preżenti qalilhom li bħalma kienu protagonisti fil-passat biex saru l-bidliet meħtieġa, hekk ukoll illum qed ikunu protagonisti wkoll.

Qal li l-Partit irid jibqa’ l-katalista għall-ideat ġodda u għalhekk huwa partit miftuħ għan-nies.

Dr Abela sostna: “U dak li rridu naraw aħna. Mhux li l-Gvern jitfi l-partit u l-partit jibqa’ biss dak il-mekkanizmu li wieħed imurr għandu sitt xhur, erba’ xhur qabel elezzjoni ġenerali. Le, mhux dak il-partit li nħares lejh jiena. Jiena nħares lejn partit jibqa’ ħaj waqt il-leġislatura u li fiż-żmien li l-partit ikun fil-gvern, il-partit jibqa’ b’saħħtu u relevanti. Dak huwa, affarijiet sempliċi imma li juru l-viżjoni li għandna ‘l quddiem għal dan il-partit.”

F’dan il-kuntest semma liż-żgħażagħ, qal li l-bażi tal-Partit Laburista huma ż-żgħażagħ għaliex huma l-mexxejja tal-lum. Semma wkoll il-parteċipazzjoni aktar wiesgħa tan-nisa f’kull livell.

Qal li dawn l-aħħar tliet xhur kienu iebsin għad-dinja kollha u għad hemm pajjiżi li għadhom għaddejjin minn żminijiet diffiċli imma f’pajjiżna konna mudell ta’ kif jitmexxew l-affarijiet għax ma ħalliex il-biża’ tikkundizzjonahom.

Qal li ħriġna minn dan il-mument aktar magħqudin bħala pajjiż u bħala poplu, l-għaqda nazzjonali.

Semma ċ-ċertifikat tajjeb li ngħata pajjiżna mill-Kummissjoni Venezja, anki jekk kien hemm min ma riedx li dan isir.

Qal li d-deċiżjonijiet l-iebsin li kellhom jittieħdu, ittieħdu u issa huwa l-mument li nħarsu ‘l quddiem ħalli nkabbru l-ekonomija, inkattru l-impjiegi.

Qal ukoll li dan huwa Gvern iffukat fuq id-deċiżjonijiet.

Il-Prim Ministru saħaq: “U bl-istess mod, li ħadna d-deċiżjonijiet iebsin. Bl-istess mod b’saħħtu nkun qed niddefendi lil kull wieħed u waħda mill-grupp parlamentari, mill-kabinett minn attakki illi ma jagħmlu ebda sens. Fejn kien hemm bżonn deċizzjonijiet iebsin ittieħdu, fejn m’hemmx lok fejn jittieħdu, se nkun jien l-ewwel wieħed li niddefendi t-tim tajjeb ta’ nies li għandi madwari, li flimkien tant kemm qegħdin naħdmu biex nagħmlu ġid għal dan il-pajjiż.”

Il-Mexxej Laburista qal li dan huwa l-Partit tal-ġid u appella biex nibqgħu ffukati ħalli l-ġid ikompli jsir kif sar fl-aħħar seba’ snin.

“Dak huwa l-ħolma tiegħi, l-viżjoni tiegħi. Il-ħolma tagħkom, il-viżjoni tagħkom. Mhux tiegħi u tagħkom, imma tagħna. Li nkomplu nagħmlu l-ġid għal dan il-pajjiż. Li nkomplu nkattru t-tajjeb, li nfittxu t-tajjeb fil-bniedem. Iva, f’kuntest ta’ pajjiż li jemmen f’valuri b’saħħithom, fl-onestà, fl-integrità, governanza tajba. Dak li nemmnu fih. Dak li jiddistingwajna, bħala partit, bħala Gvern, bħala persuni li verament inħobbu lil Għawdex, lil Malta u li verament nixtiequ futur aħjar għall-pajjiżna, li jkun aħjar mill-lum. Nirringrazzjakom”, temm jgħid il-Prim Ministru.

In-nominazzjonijiet għal kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit se jinfetħu u jibdew jiġu milqugħa mill-Ġimgħa 3 ta’ Lulju sal-Ħadd, 5 ta’ Lulju.

Il-votazzjoni ser issir nhar is-Sibt, 25 ta’ Lulju.

L-għadd tal-voti jsir dakinhar stess wara l-għeluq tal-votazzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Delegati tal partit ghinu lill gvern biex inehhi l privileggi parlamentari ghax min mhux kapaci jghid il verita u jistonnzja dak li jghid.Min irid jaghmel il gid lill Malta ma hemmx ghalfejn ikun membru parlamentari.Nehhija Onor Priministru.Grazzi ta dak kollu li qed taghmel ghalina l Maltin.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend