Abbuż mill-privileġġ parlamentari – One News

Notifiki

Abbuż mill-privileġġ parlamentari

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li huwa wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gustizzja, huwa avukat. Bħala avukat lili – u lil ħafna minnkom – bħala ċittadini komuni, suppost li jgħallimna ħafna dwar aspetti legali. Dwar il-liġijiet ta’ pajjiżna. Suppost jgħallimna li ħadd ma jista’ jkun prosekutur, ġurat u ġudikant fl-istess ħin.

Ħaġa naturali, hux veru! Imma Jason Azzopardi, bl-imġieba tiegħu fil-Parlament, qiegħed jgħidilna li hu jista’ jkun prosekutur, ġurat u ġudikant fl-istess ħin. Ħaġa waħda biss mhuwiex jagħmel. Ovvjament għax ma jistax jagħmilha. Jagħti sentenza. Jikkundanna lil xi ħadd li, ħa ngħidha kif inħossha, ma jgerrħux.

Mhux se nidħol fid-dettall dwar l-aħħar każ fejn Jason Azzopardi għamel akkużi serji fil-konfront ta’ Joseph Muscat. Konvint li ħafna minnkom segwew dak kollu li ġara, fosthom iċ-ċaħda kategorika ta’ Joseph Muscat u d-deċiżjoni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li sab lil Jason Azzopardi, prima facie ħati ta’ ksur ta’ privileġġ.

Mhux se nidħol fid-dettall għax lili jinteressani, u hawn naqbel mal-Ispeaker, li ħadd m’għandu jieħu vantaġġ mill-privileġġ parlamentari biex iħammeġ lil xi ħaddieħor, b’mod partikolari lil kollegi tiegħu bħala rappreżentanti tal-poplu. Imma mmur ’il bogħod aktar minn hekk.

Il-membri parlamentarii jridu joqogħdu attenti li ma jabbużawx mill-privileġġ parlamentari u jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom, mingħajr ebda provi b’saħħithom.

Ma kienx biss Jason Azzopardi li f’dawn l-aħħar ġimgħat tkellem fil-Parlament bla ma qies l-akkużi serji li kien qiegħed jagħmel. Ħasra li fost il-membri tal-Oppożizzjoni, sempliċiment biex mingħalihom jiskurjaw punti politiċi, hemm min qiegħed jinsa, (jew aħjar ngħid konvenjentement qiegħed jinsa), li kull min huwa akkużat b’xi reat, hu x’inhu, huwa meqjus innoċenti, sakemm tingħata s-sentenza finali li huwa ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Din hija ħaġa perikoluża ħafna. Kull min għandu akkużi fil-konfront tiegħu fil-Qorti, għandu dritt għal smigħ xieraq. L-ebda rappreżentant tal-poplu, għax għandu l-privileġġ parlamentari, m’għandu jasal għall-konklużjonijiet tiegħu u jesprimihom fil-Parlament. Min jagħmel hekk, ikun qiegħed jippreġudika l-każ involut. Jien, personalment, ma neskludix li dan ikun qiegħed isir bi skop.

Ta’ QabelLi Jmiss
Felix Agius twieled fil-21 ta’ Marzu, 1948. Studja fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, imbagħad kompla l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Aktar tard kiseb diploma fil-Ġurnalizmu mill-International Institute of Journalism ta’ Berlin. Agius beda l-karriera fil-ġurnalizmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’ li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press. Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’. Għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-iSports qabel fl-1981 inħatar editor tal-ġurnal ‘l-Orizzont’. Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’, (ukoll tal-Partit Laburista) bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol disa’ snin ilu.

1 Comment

  1. Il-privileġġ parlamentari irid itir. Illum qabel għada. Il-poplu hekk irid u għandu jiġi mismugħ. Biżżejjed għandhom privileġġi l-membri parlamentari! Parking, telephone, mobile l-aħjar pensjoni u nibqgħu sejrin…. Dan kollu anzi imissu jispiċċa. Anki min ikun president iridu jitnaqqsulu l-privileġġi. Fuq dawn l-affarijiet qatt ma’ saru konsultazzjonijiet kostituzzjonali!!! Din Repubblika mhux monarkija jew le?!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend