L-ewwel bank nazzjonali tal-Ġenetika f’pajjiżna li jħares l-agrikoltura f’pajjiżna ser ikun fl-impjant ta’ konservazzjoni fiċ-Ċentru Bijoteknoloġiku tal-pjanti f’Ħal Lija.
Minn Ġunju tas-sena d-dieħla, dan il-bank mistenni jibda iservi bħal repożitorju nazzjonali li jħares il-pjanti slavaġ u l-agrikoltura kif ukoll l-użu b’mod sostenibbli tal-agrikoltura.
Id-direttur ta’ dan il-proġett ambizzjuż Maureen Delia spjegat li din il-faċilità ser tkun qed tiġbor fosthom informazzjoni u kampjuni tal-pjanti mingħand il-bdiewa stess sabiex jiġu ppreservati dawn l-pjanti indiġeni.
Hija spjegat: “U niġbru anke informazzjoni mingħandhom biex speċi ta pereżempju fuq x’tirrikjedi l-pjanta bħal ħamrija, t-tip ta’ ħamrija, meta timmatura l-frotta, u affarijiet hekk. U imbagħad ukoll ser niġbru l-kampjuni.”
Dan il-bank se jgħin ukoll fil-ħidma li qed ssir madwar id-dinja fejn tidħol is-sigurtà tal-ikel.
Dan apparti problemi komuni oħra li nsibu fil-pjanti fosthom in-nixfa, ħamrija mhux daqstant fertili, bidla fil-klima u mard ieħor fil-pjanti.
Waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Agrikultura Anton Refalo huwa tkellem dwar kif dan il-bank ser jiġġenera u janaliżża d-diversità ġenetika li teżisti filwaqt li tagħti lok għal aktar għarfien u edukazzjoni fejn jidħol il-wirt tal-pjanti nazzjonali.
Il-Ministru Refalo qal: “Ħadt pjaċir iktar li dan ser ikun interattiv fejn għandek studenti u żgħażagħ li jistgħu jiġu u jitgħallmu u barra minn hekk tagħtina iktar saħħa mid-dimensjoni internazzjonali u dik ewropew għax hemmhekk nistgħu nagħmlu bdil ta’ ideat mal-barranin u b’hekk inkunu iktar konxji u għandna għarfien ta’ din is-sitwazzjoni.”
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi li spjega kif dan huwa proġett li qed isir frott fondi Ewropej.
Huwa sostna: “Dan huwa proġett li huwa ffinanzjat permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea li bihom ser ikun qed jitħallas l-apparat u l-bidu tat-tħaddim tiegħu. L-iskop tiegħu huwa li nippreservaw dak li tatna n-natura, wirt li tatna n-natura f’dak li għandu x’jaqsam ma pjanti endemiċi.”