Kundanna oħra għal Jason Azzopardi – Il-PL – One News

Notifiki

Kundanna oħra għal Jason Azzopardi – Il-PL

Għal darb’oħra, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi reġa’ nstab ħati li abbuża mill-privileġġ parlamentari fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż meta għamel allegazzjonijiet qarrieqa u mill-aktar gravi, qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.

Fl-aħħar deċiżjoni tiegħu, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti sab lil Jason Azzopardi ħati li gideb fil-konfront tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat meta fil-Parlament iddikjara li Muscat kien jaf bil-pjan li se tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galiza u għalhekk sejjaħ elezzjoni bikrija fl-2017. Allegazzjonjiet li kif innota l-Ispeaker tal-Kamra ġew miċħuda minnufih.

Waqt li Azzopardi bħal kull ċittadin ieħor f’dan il-pajjiż għandu kull d-dritt li jesprimi lilu nnifsu, huwa tabilħaqq kundannabbli għall-aħħar li jagħmel użu mill-privileġġ parlamentari biex iħammeġ kif jidhirlu u meta jfettilu lil dawk li ma jaqblux miegħu.

Il-Partit Laburista kompla jgħid li d-deċiżjoni tal-Ispeaker tikkonferma għal darb’oħra l-ingann tad-deputat Nazzjonalista li fi kliem l-istess President tal-Kamra attribwixxa intenzjoni ħażina fil-konfront ta’ Dr Muscat tant li wasal għall-konklużjoni li dan kien każ ċar u lampanti ta’ ksur ta’ privileġġ.

Din ma kinitx l-ewwel darba li Azzopardi naqas mir-responsabbiltajiet tiegħu lejn is-saltna tad-dritt li tant iħambaq dwarha. Tlettax-il jum biss ilu, huwa nstab ħati wkoll ta’ disprezz fil-konfront tal-Qrati Maltin wara li naqas jitla’ jissostanzja allegazzjonijiet oħrajn li għamel fil-konfront tal-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici.

Fl-aħħar ġimgħat ukoll, il-Qrati Maltin xejnu għalkollox allegazzjonijiet gravi ta’ qtil volontarju ta’ immigranti min-naħa tal-Prim Ministru, il-Brigadier u attentat ta’ qtil minn membri tal-Armata li għamel l-istess deputat.

Fuq kollox dan l-aġir ta’ Azzopardi juri li minkejja s-suppost tiġdid li sar fl-Oppożizzjoni Nazzjonalista u minkejja l-mod ġdid li darba wiegħed il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, fil-Partit Nazzjonalista kollox baqa’ l-istess, temm jgħid il-Partit Laburista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend