Imorru jistadu għall-ħut wara li ħarbu mill-fish farms – One News

Notifiki

Imorru jistadu għall-ħut wara li ħarbu mill-fish farms

Min jilliska l-gamblu mas-sunnara, min jitfa’ x-xlief fil-baħar u min jgħolli qasba kif iħoss it-toqol.

F’kemm trodd salib kulħadd tgħallem isir sajjied, minn dawk dilettanti u għomor u żmienhom bil-qasba f’idejhom, sa anki tfal li telqu l-ipads fuq is-sufan tad-dar u marru fil-bajja s-sabiħa ta’ Birżebbuġġa jittantaw xortihom f’qabda ħut.

Din kienet ix-xena li rajna hekk kif ħarab l-awrat mill-irziezet tal-ħut.

Uħud bi tbissima liema bħalha fuq wiċċhom intlemħu bil-barmil maġenbhom mimli bl-awrat, f’xemx tiżreġ u baħar kaħlani ċar.

Dawn is-sajjieda ċertament ma qatgħux qalbhom minkejja t-temp sħun tas-sajf.

Nies fuq il-post tennew li għamlu festa ta’ qabda ta’ ħut f’Jum l-Imnarja fejn mat-tokki tad-9:00 ta’ filgħodu nxterdet il-kelma li kien hemm bosta awrat max-xtajta wara li kien ħarab mill-gaġġeġ.

Alfred Zahra wieħed minn bosta sajjieda u dilettanti tas-sajd feraħ mhux ftit bil-ħut li qabad f’ġieh anki San Pietru, l-patrun tan-nies ta’ Birżebbuġa u li anki kien sajjied fil-Gallilja.

Huwa qalilna:“Ħafna ħut, ħafna ħafna ħut kull waħda daqshekk kullħadd jaqbad minn kullimkien u ħadna pjaċir – Viva San Pietru u San Pawl.”

Alfred sostna li għalihom din kienet ġenna tal-art u b’sens ta’ kburija ftaħar kemm qabad awrat: “Qbadt basket daqshekk mimli, qbadt naħseb 80 jew 90 waħda.”

B’kurżità saqsejnieh ukoll jekk ħassux li qed jagħmel xi ħaġa ħażina għax qabad ħut li kien maħrub. Huwa weġibna:  Le ta ma naħsibx, kullħadd irid jiekol u kullħadd kiel il-ħut ilbieraħ naħseb jiena”.

Kif jgħid il-Malti min jorqod ma jaqbadx ħut u diversi sajjieda oħra esprimew ukoll l-istess sentiment fejn saħansitra ppreferew li jerħu kollox minn idejhom, ma jitilfux ħin sabiex jagħmlu sajda faċli u mingħajr xkiel.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend