130 sena mit-twelid tal-ewwel Prim Ministru Laburista – One News

Notifiki

130 sena mit-twelid tal-ewwel Prim Ministru Laburista

Pawlu Boffa, l-ewwel Prim Ministru Laburista twieled bħal-lum mija u tletin sena. It-tabib tax-xelin, kif kien magħruf ma’ diversi nies twieled fit-30 ta’ Ġunju tal-1890.

ONE News tkellem man-neputi ta’ Pawlu Boffa, Fr. Marius Zerafa li laqana fil-kunvent u rrakkontalna l-esperjenzi tiegħu maz-ziju Boffa.

Qalilna kif it-tabib twajjeb uża l-karriera politika u dik medika biex jgħin lil fqajrin.

“Hu kien tabib u l-politika għalih kienet sempliċiment espressjoni tal-missjoni tiegħu li ħass li kellu jaħdem fost il-fqar. Meta fetaħ il-klinika tiegħu, kellu jumejn fil-ġimgħa b’xejn għall-fqar u kienu jgħidulu t-tabib tax-xelin, il-għaliex ma kienx joħdilhom flus. Kien bniedem eċċezzjonali f’dan il-mod, fl-onesta li kellu.”

Pawlu Boffa spiċċa jmexxi l-Partit Laburista fl-1929. Kien żmien meta l-Partit tal-Ħaddiema kien għodu sparixxa iżda bil-viżjoni tat-tabib mill-Birgu, il-partit għadda miż-żminijiet diffiċli tal-gwerra u sar partit b’saħħtu.

In-neputi tal-eks Prim Ministru rrakkonta magħna kif meta kien żgħir kien dejjem jisma’ lil zijuh jitkellem fuq drittijiet u kisbiet li llum qajla naħsbu kemm kien hemm min ried jistinka għalihom.

“Minn minndu kont żgħir, dejjem tkellem fuq il-vot tan-nisa. Dak iż-żmien kienet ħaġa ta’ barra minn hawn. Kien akkaniet ħafna għal Malti, li dejjem kien jirrakkonta li meta ried jitkellem bil-Malti tefgħulu s-siġġijiet.”

Fl-elf disa’ mija u sebgħa u erbgħin Boffa rebaħ l-elezzjoni ġenerali b’maġġoranza kbira ta’ kważi sittin fil-mija.

Boffa welled is-servizzi soċjali iżda sentejn biss wara li sar Prim Ministru kien hemm dik magħrufa bħala l-isplit fil-Partit tal-Ħaddiema.

Neputih qalilna x’kienet l-ewwel ħaġa li għamel wara li rriżenja minn Prim Ministru.

“Dakinhar li rreżenja minn Prim Ministru, reġa’ mar jeżamina l-emigranti li kienu sejrin lejn l-Awstralja.”

Fr. Marius Zerafa qal kif waqt it-tieni gwerra dinjija jiftakar li zijuh kellu rwol importanti fil-gwerra, fejn anke spiċċa l-isptar sabiex għen lil ħaddieħor.

“Fi żmien il-gwerra aħna konna flimkien konna ngħixu fl-istess dar iż-Żurrieq u kien District Commission tal-Kottonera, li kienet l-aktar ibbumbardjat u niftakar kif idoqq air raid kien jitlaq jiġri lejn l-Isla. Minjaf kemm il-darba kien mimli trab, darba qalilna li dħalna taħt mejda. Kellu anke operazzjoni, qalawlu biċċa minn għadma ta’ moħħu”

In-neputi ta’ Boffa qal ukoll kif Pawlu Boffa kien maħbub minn kulħadd u kien jgħin lil kulħadd mingħajr ma jqis x’jieħu lura.

“Kien karattru li bilfors trid tħobbu. Qatt ma smajt lil ħadd, qatt, jikkundannah. Infatti l-għedewwa tiegħu kienu jikkundawh, ilhi kien too good. Kien uman iżżejjed.”

Pawlu Boffa, it-tabib tax-xelin, raġel twajjeb u ġust, qatt minsi għal dak il-ġid li għamel favur il-ħaddiem Malti.

Dan il-kliem għadu jagħti xhieda fuq qabru, is-sliem Pawlu Boffa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend