“Kont inbigħ is-saħħa, laqtitni marda u spiċċajt waħdi bejn erba’ ħitan” – raġel bil-Multiple Sclerosis – One News

Notifiki

“Kont inbigħ is-saħħa, laqtitni marda u spiċċajt waħdi bejn erba’ ħitan” – raġel bil-Multiple Sclerosis

400 persuna f’Malta tbati mill-kundizzjoni tal-Multiple Sclerosis, li taffettwa s-sistema tan-nervituri tal-ġisem, b’mod partrikolari l-moħħ u s-sinsla tad-dahar. Din tista’ twassal għal dizabilità fizika.

ONE News iltaqa’ ma’ wieħed minn dawn il-pazjenti, Andrew Borg ta’ 51 sena li minħabba din il-kundizzjoni ma jistax jimxi u jsofri minn uġiegħ kontinwu, u filfatt juża scooter biex ikun jista’ jgħix ħajja kemm jista’ jkun indipendenti.

Sa tmien snin ilu, Andrew Borg kien raġel ibigħ is-saħħa u kien direttur ta’ kumpanija. Meta kellu tlieta u erbgħin sena beda jħoss uġiegħ kbir f’saqajh, tant li beda jzappap. Hemmhekk, Borg ingħata l-aħbar li biddiltu ħajtu, bir-reazjoni tiegħu tkun waħda ta’ xokk.

“Kont naf, filli kont nimxi normali, f’daqqa waħda bdejt inzappap u bdejt inzappap, u għedt għalfejn qed inzappap u f’daqqa waħda spiċċajt xtrajt scooter għax kieku kif ġa għedtlek qiegħed nidfun ġo sodda u ħadd ma jaf bija.”

Hu spiċċa waħdu f’daru u allura jipprova kemm jista’ jkun ikun persuna indipendenti minkejja din il-kundizzjoni.

Il-ħajja ta’ kuljum inbidlitlu kompletament, u li kieku ma kienx għall-iscooter li għandu, ma jkunx jista’ jmur jixtri u kien jibqa’ fis-sodda, li fiha sfidi kbar.

“Mijiex xi ħaġa sabiħa, filli qed tgħix ħajja komda u f’daqqa waħda tiġi mwaħħal. qatt ma kont fi stat bħal dan.”

Bħal Andrew hawn madwar erba’ mitt persuna li għandhom din il-kundizzjoni, u s’issa m’hemmx kura magħrufa għaliha.

Huwa stmat ukoll li din il-kundizzjoni taffettwa aktar minn zewġ miljun u ħames mitt elf persuna madwar id-dinja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend