ARA: Delia jimmina l-allegazzjonijiet ta’ David Thake – One News

Notifiki

ARA: Delia jimmina l-allegazzjonijiet ta’ David Thake

Adrian Delia fetaħ attakk ġdid u fil-beraħ fuq id-deputat tiegħu stess, David Thake.

Delia għamel dan waqt intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista meta kien mistoqsi dwar jekk qatt ġiex offrut flus sabiex David Casa ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Filwaqt li ċaħad din l-allegazzjoni, Adrian Delia tefa’ d-dubji fuq l-aġir ta’ David Thake meta sena ilu fuq l-istazzjon nazzjonali kien hu li għamel din l-allegazzjoni.

Fil-fatt Delia staqsa kif David Thake, li mhux sigriet li jissimpatizza mal-fazzjoni Busuttil, qatt ma mar għand il-Pulizija.

Delia stqarr: “Jekk David Thake diġà kellu informazzjoni sena ilu għalfejn m’għaddijiex l-informazzjoni.”

David Thake kien l-ewwel persuna li ressaq din l-allegazzjoni fuq il-programm Xarabank.

Thake kien allega li Yorgen Fenech offra lil partit ta’ Delia €50,000 biex David Casa ma jitlax fil-Parlament Ewropew.

Huwa kien qal: “Kemm kien l-ammont li offra Yorgen Fenech biex David Casa fil-Partit ma jiġix elett? Inti forsi infurmat jew ma nafx jekk intix infurmat li offra €50,000 Yorgen Fenech biex Casa ma jiġix elett?”

Dwar din l-allegazzjoni, ftit tal-jiem ilu David Thake talab lill-Pulizija biex tinvestiga. Dan wara li Melvin Theuma taħt ġurament qal li Yorgen Fenech irrepeta din l-istess allegazzjoni.

Thake talab ukoll investigazzjoni interna fil-Partit Nazzjonalista.

Mistoqsi jekk hux se juża l-istess riga għalih innifsu u jirriżenja, Adrian Delia xejjen dawn l-allegazzjonijiet u saħansittra ddefinixxihom bħala gossip.

Intant fl-istess intervista l-Kap Nazzjonalista attakka lill-Prim Ministru Robert Abela għax skontu mhux jieħu l-ebda deċiżjoni.

Delia sostna: “Robert Abela ma qed jieħu l-ebda deċiżjoni. L-ebda.”

Dan minkejja li anki l-ġurnalist ta’ midja indipendenti staqsih dwar kif il-Prim Ministru qed jieħu d-deċiżjonijiet, diffiċli kemm huma diffiċli. Bid-deċiżjonijiet li ħa l-Prim Ministru fl-aħħar jiem intqal li ġew stabbiliti l-ogħla standards politiċi ta’ mġieba u etika fi ħdan il-Partit Laburista u l-Gvern.

Dan flimkien mad-deċiżjoni fl-ewwel jiem tiegħu beda bi proċess ġdid u trasparenti għall-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija ġdid u embarka fuq ħidma ta’ riformi fil-ġudikatura, fit-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-governanza.

Dawn ir-riformi sabu l-appoġġ tal-Kummissjoni Venezja li laqgħet prattikament ir-rakkomdanzzjonijiet kollha tal-Gvern u l-pass li jmiss huwa li dawn ir-riformi issa jiġu abbozati f’liġijiet li jgħaddu mill-Parlament.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend