Aħwa jinħelsu mill-arrest wara li kkawżaw ħsarat fuq il-karozza tal-eks mara ta’ wieħed minnhom – One News

Notifiki

Aħwa jinħelsu mill-arrest wara li kkawżaw ħsarat fuq il-karozza tal-eks mara ta’ wieħed minnhom

L-aħwa Qriema Aaron u Darren Mizzi, li għandhom 40 sena u 38 sena rispettivament, inħelsu mill-arrest wara li ġew mixlija li kkawżaw ħsara fuq il-karozza tal-eks-mara ta’ Aaron Mizzi.

Aaron Mizzi ġie mixli wkoll li bl-azzjonijiet tiegħu kkawża biża’ lill-vittma filwaqt li Darren Mizzi kien akkużat separatament li kien kompliċi ma’ ħuh f’dan ir-reat filwaqt li kiser kundizzjonijiet ta’ probation.

L-akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Fil-qorti ngħad kif il-vittma għamlet rapport fl-għassa tal-Marsa li l-karozza tagħha sofriet ħsara kbira fosthom li kellha t-twieqi mkissrin. Ħsara li tammonta għal aktar minn elfejn u ħames mitt ewro.

L-Ispettur Wayne Camilleri spjega kif l-imputati kienu identifikati minn filmati li ġew elevati minn ta’ kameras tas-sigurtà.

L-avukat tad-difiża Martha Mifsud enfasizzat fil-Qorti li l-imputati kkoperaw bis-sħiħ mal-pulizija fejn ġew mitkellma diversi drabi.

Il-Maġistrat Charmaine Galea aċċettat it-talba għall-ħelsien iżda imponiet diversi kundizzjonijiet fuq l-aħwa fosthom li jridu jiffirmaw fl-għassa ta’ Ħal Qormi kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Sibt bejn it-tmienja ta’ filgħodu u t-tmienja ta’ filgħaxija.

Dan filwaqt li Darren b’mod separat irid jidħol id-dar sa nofsillejl u ma jistax joħroġ mid-dar qabel il-ħamsa ta’ filgħodu.

Dawn il-kundizzjonijiet ġew impost fuq garanzija personali ta’ tlett elef ewro għal Darren u elfejn ewro għal Aaron.

Il-Maġistrat Galea ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend