Mas-seba’ mitt persuna ta’ kuljum imorru ċ-ċentru tad-Detox sabiex jingħataw il-methadone, bil-għan li jingħataw il-kura sabiex jegħlbu l-vizzju tad-droga. Tliet kwarti tal-persuni li jmorru d-detox huma rġiel.
Filwaqt li mat-tmenin priġunier fil-faċilita korettiva ta’ kordin jieħdu l-methadone.
Kull xahar jitqassam aktar minn elf u mitt litru ta’ methadone. Li fis-sena jfssru tlettax-il elf mitejn u tmintax-il litru ta’ methadone.
Dan ħareġ waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon fiċ-ċentru tad-Detox, lejliet il-jum internazzjonali kontra l-abbuż mill-vizzju tad-droga.
Fl-aħħar jiem tiegħu fil-kariga bħala Direttur kliniku taċ-ċentru Dr George Grech qal li huwa ikkalkulat li mal-elfejn persuna fil-popolazzjoni Maltija huma dipendenti fuq l-eroina.
“Riflessjoni ta’ problemi oħrajn. Għandna tliet ġenerazzjonijiet jiġu hawn. Mhux kwistjoni jieqaf mid-droga għax anki naraw li jidħlu problemi oħrajn.”
Minkejja li l-vizzju tal-alkoħol u l-vizzju tad-droga, jibqgħu l-ikbar sfidi, Dr Grech qal li maż-żmien qed ifeġġu problemi oħra.
“Bdejna naraw problemi ta’ dipendenza fuq il-logħob, internet, dawn se jkun l-isfidi li se jkollna quddiemna ġa qegħdin hawn allura issa iridu nfasslu l-strateġija tagħna.”
Il-Ministru Michael Falzon ħabbar li fil-bidu tas-sena li ġejja se jiftaħ ċentru li jgħin lill-persuni taħt it-tmintax-il sena jegħlbu l-vizzju tad-droga, b’investiment ta’ erba’ miljun ewro.
“Barra l-ħidma kollha li saret sa issa, se jkollna programmi ta terapija għal dawk taħt it-tmintax-il sena. Se jitħaddem mill-Caritas.”
Minn naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv għall-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti qal li grupp ta’ esperti mmexxija fost oħrajn mill-Professur Alex Baldacchino minn St Andrews University fl-Iskozja analizzaw s-servizzi tas-sedqa u qed jaħdmu magħhom.