Fi stqarrija mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni tħabbar li Christine Schembri nħatret segretarju permanenti fl-Uffiċċju tal-Kabinett responsabli mill-Kordinazzjoni u l-Implimentazzjoni.
F’ħatra oħra, Joyce Dimech se tinħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Sa mill-2014, Schembri kienet fl-irwol ta’ Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, filwaqt li Dimech kienet Segretarju Permanenti responsabbli mill-Istrateġija u Implimentazzjoni fl-Uffiċju tal-Prim Ministru u qabel bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex.
Intant, f’din l-istqarrija ntqal ukoll kif Joseph Camilleri se jkun qed jinħatar bħal Kummissarju Elettorali Ewlieni minflok Joseph Church. Dan tal-aħħar se jkun qed itemm il-ħatra tiegħu f’Lulju. Camilleri serva bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u qabel fil-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili.