Liġi ġdida biex issaħħaħ u tipproteġi lit-tfal mill-1 ta’ Lulju – One News

Notifiki

Liġi ġdida biex issaħħaħ u tipproteġi lit-tfal mill-1 ta’ Lulju

Mill-ewwel ta’ Lulju, se tidħol fis-seħħ il-liġi dwar il-protezzjoni tat-tfal, li għandha l-għan li toffri protezzjoni akbar lil tfal meqjusa vulnerabbli, li jkunu qed jesperjenzaw kwalunkwe tip ta’ abbuż, vjolenza jew abbandun.

F’konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat li l-liġi l-ġdida hija msejsa fuq numru ta’ prinċipji li jħarsu l-aħjar interess tat-tfal.

Fost l-oħrajn, l-ordni għall-ħarsien se tibda toħroġ mill-Qorti għall-Minorenni u mhux mill-Ministru.

It-tfal se jkunu qed jipparteċipaw f’kull stadju tal-proċess u l-interessi tagħhom se jkunu rappreżentati minn Avukat tat-Tfal.

Fl-istess waqt, it-tfal se jinstemgħu f’ambjent kalm u sigur, adattat għalihom ’il bogħod mill-Qorti.

Se jiddaħħal ukoll dritt ta’ appell f’kull stadju tal-proċess.

Il-Ministeru tal-Familja se jkun qed jistudja l-possibilità ta’ entità privata akkreditata li toffri servizzi relatati mal-fostering.

L-Avukat Dr Daniela Azzopardi Bonanno li ħadmet fuq l-implimentazzjoni tal-liġi spjegat li l-professjonisti huma fid-dmir li jirrappurtaw kwalunkwe suspett t’abbuż fuq it-tfal, u dawk li jkunu nvoluti fil-proċess iridu jiċievu taħriġ speċjalizzat.

Hija spjegat: “Kull professjonist li jaħdem f’dan is-settur, huwa obbligat bil-liġi li jirċievi taħriġ. Huwa settur speċjalizzat, jirrikjedi għarfien speċjalizzat u ħa jingħata permezz ta’ dat-taħriġ.”

Bħalissa f’pajjiżna hawn madwar 450 tifel u tifla li qed jgħixu ’l bogħod mill-familja naturali tagħhom, u nofshom jinsabu f’foster care.

Din il-liġi se tħeġġeġ aktar familji jadottaw.

Dr Azzopardi Bonanno sostniet: “Kien hemm it-tendenza li jinqabdu fis-sistema u jista’ jkun li wħud minn dawn it-tfal kienu qed jibqgħu fis-sistema ta’ ħarsien alternattiv sakemm jgħalqu t-tmintax-il sena. Dik ħa tkun qed tinbidel billi permezz ta’ din il-liġi ħa jkunu freed up for adoption jiġifieri ħa jingħata l-permess biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jiġu adottati.”

Il-Ministru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon spjega li l-liġi preżenti tmur lura għat-tmeninijiet u għaldaqstant il-bżonn ta’ liġi ġdida kien ilu jinħass.

Huwa qal: “Hemm diversi tibdiliet, uħud minnhom ftit kulturali, hemm tibdiliet li hija bidla totali bħal pereżempju li l-politiku jinqala’ għal kollox biex ma jiħux deċiżjonijiet fejn jidħlu d-drittijiet tat-tfal, imma huwa xi ħaġa pożittiva, pass kbir ’il quddiem u jekk Alla jrid anki din is-sena stess nagħmlu passi ’l quddiem oħrajn f’dan is-settur.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend