ARA: Nidħlu fiċ-ċella li minnha kien jara l-bajja li swietlu ħajtu  – One News

Notifiki

ARA: Nidħlu fiċ-ċella li minnha kien jara l-bajja li swietlu ħajtu 

Determinat, perseveranti u leali.

Dawn huma l-aġġettivi li jiddeskrivu lill-patri ta’ 75 sena Fr Victor Enriquez, li kmieni l-Erbgħa filgħodu għall-ħabta tat-tmienja, tilef ħajtu waqt li kien qed jgħum fil-bajja tal-Exiles.

L-anzjan ittella’ mill-baħar minn xi persuni li kienu fuq il-post li rawh wiċċu ’l isfel fl-ilma iżda kien tard wisq hekk kif kien diġà bla ħajja meta ttella’ fuq il-blat, tant li ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post mit-tobba tal-Emerġenza.

Sigħat wara li saret magħrufa l-identità tiegħu, morna fil-kunvent fejn kien jgħix fil-Balluta.

Mill-kurituri siekta tlajna fiċ-ċella numru 25, iċ-ċella li Fr Victor qatta’ ħajtu fiha, u li mit-tieqa tagħha kien jara l-veduta tal-bajja li kellha tkun l-istess waħda li fiha ħa l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu.

Fil-bitħa tal-kunvent, li fid-dell tagħha minjaf kemm il-daqqa ta’ pinna ta fiż-żmien li kien l-editur tar-rivista tal-patrijiet Karmelitani, tkellimna mal-pirjol Fr Charles Mallia, li miegħu hemm ħbiberija li tmur lura ħamsin sena.

Huwa qalilna: “Inħsadt. Għalkemm naf li Father Victor kellu xi diffikultajiet mediċi tas-saħħa, tinħasad meta jgħidulek li xi ħadd ma jinsabx tajjeb anzi wasal fit-tmiem tal-ħajja tiegħu.”

Fr Victor għamel operazzjoni f’qalbu madwar sena ilu, iżda d-determinazzjoni li kienet tikkaratterizzah ma ħallitux jaqta qalbu mill-għawm – xi ħaġa li tant kien iħobb jagħmel, sajf u xitwa.

Huwa sostna: “Kien attent ħafna kif għaddej u kien looking forward li jinżel jgħum, fil-fatt kien diġà niżel diversi drabi, kien jgħidilna li jaqta’ ftit nifsu, imma kien jgħidilna ninżel naqra u nerġa’ nitla’.”

Minn fost nofs ċentinarju ta’ memorji u esperjenzi, Fr Charles tkellem dwar l-ewwel darba li tkellem miegħu.

Huwa kompla jgħid: “Ġie ordnat fin-1971 bħala saċerdot u immedjatament beda jaħdem hawnhekk il-Balluta billi jieħu ħsieb l-abbatini u jiena kont għadni abbati dak iż-żmien, tifel ta’ ħmistax-il sena, u fin-1973 kont għidtlu isma’ nitħajjar li nidħol mal-patrijiet nipprova għall-ħajja Reliġjuża u kien hu li laqqagħni mal-Provinċjal li mbagħad bdejt il-ħajja tiegħi Reliġjuża.”

Fr Victor kien ukoll Kappillan tal-Ajruport.:“Naħseb jekk kont tistaqsih liem esperjenza hija l-isbaħ esperjenza tiegħek tal-Airport kien jgħidlek ċertament meta ġie l-Papa San Ġwanni Pawlu t-Tnejn, għandu r-ritratti ta’ meta ġie u baqgħet xi ħaġa verament memorabbli għalih.”

Tul ħajtu, Fr Victor ħadem ħafna maż-żgħażagħ u l-anzjani, u fi kliem Fr Charles se jibqa’ mfakkar għal-lealtà li wera lejn dawk kollha li kienu jafuh matul ħajtu.

Fr Charles temm jgħid: “Kważi ngħidielek f’kelma waħda, determinat. Ma jaqta’ qalbu minn xejn, jibqa’ jinsisti u perseveranti ħafna f’dak li jkollu f’rasu u anki l-ħbiberija tiegħu kienet xi ħaġa li jorbot fuqha, ma jinsik qatt u jibqa’ leali dejjem għall-aħħar.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend