Is-sistema sigrieta taċ-ċedoli tal-Partit Nazzjonalista tikkontrollhom – One News

Notifiki

Is-sistema sigrieta taċ-ċedoli tal-Partit Nazzjonalista tikkontrollhom

L-iskema sigrieta taċ-ċedoli li qed tiffinanzja d-dejn kbir li għandu l-Partit Nazzjonalista se tibqa’ sigrieta għaliex is-sistema minnha nnifisha hija hekk.

Dan stqarru l-Viċi-Kap Nazzjonalista David Agius, ftit tal-ħin wara li l-Kap Nazzjonalista ma riedx jippubblika l-lista tan-nies li jagħtu l-miljuni f’ċedoli lill-partit ta’ Delia.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet jippriedka fuq it-trasparenza u l-kontabbilità, lil Viċi-Kap tal-partit f’tal-Pietà staqsejnih jekk forsi jistax jgħid min qed jagħti l-flus f’ċedoli lill-Partit Nazzjonalista, b’David Agius l-ewwel ġabha fit-tul u imbagħad qal li le minħabba r-regoli li bihom taħdem is-sistema taċ-ċedoli tal-Partit Nazzjonalista.

“Le aħna ma nistgħux nagħmluha minħabba li ma nistgħux nagħtu l-ismijiet minħabba r-regoli li bihom taħdem is-sistema.” Qal David Agius.

Fl-aħħar jiem, il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo ftaħar li hemm iżjed minn ħames mitt persuna li taw il-miljuni lill-partit f’tal-Pietà.

L-iskema taċ-ċedoli kienet bdiet taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil, b’Delia kompla jintensifika f’din l-iskema sigrieta hekk kif anki saħansitra saret bla limitu wara li neħħa l-massimu ta’ għaxart elef ewro fi flus li jingħataw f’ċedoli.

Magħfus u skomdu nsaqsuh fuq it-trasparenza fil-partit li jmexxi, is-Sibt filgħodu, Adrian Delia qalilna li ma jistax jippubblika l-lista ta’ min qed jagħti l-miljuni għall-Partit Nazzjonalista.

“Forsi la darba qed nifhmek li mhux se tippubblikaha din il-lista.” Qalet il-ġurnalista u Delia wieġeb, “Le ma nistax mhux m’iniex.”

L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kien ftaħar bl-iskema ċedoli li għamel għall-Partit tiegħu.

Busuttil kien saħaq li l-iskema ċedoli għenet lill-Partit Nazzjonalista immens.

B’din l-iskema sigrieta l-Partit Nazzjonalista jipprova jiżgiċċa mill-għarbiel tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti li Gvern Nazzjonalista kaxkar saqajh fuqha u baqa’ ma daħħalhiex.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend