Adrian Delia jgħid li ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa huma kummiedji – One News

Notifiki

Adrian Delia jgħid li ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa huma kummiedji

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal dan waqt intervista politika l-Ħadd filgħodu hekk kif fetħilha kontra l-ġid li qed iqassam il-Gvern.

“Dan bagħat ċekk ta’ €60 issa refund, minn tiegħek stess ta’ tħallas it-taxxa u jtik lura €60. Ara x’kummiedji.” Qal Delia.

Madankollu f’intervista li ħadet aktar minn nofs siegħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma semmiex kif dawn iċ-ċekkijiet qed jingħataw għat-tielet sena konsekuttiva.

Dan tħabbar fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ntroduċa l-Gvern fit-8 ta’ Ġunju. Pjan li ser jagħti stimolu qawwi ta’ €900 miljun fl-ekonomija Maltija sabiex tirkupra mill-pandemija.

Dakinhar ġie spjegat li din il-miżura se tkun qed tiswa €11-il miljun u nofs u minnha se jibbenefikaw ’il fuq minn mitejn u għaxar t’elef ħaddiem.

Dan ifisser li fuq medda ta’ tliet snin, b’din il-miżura biss, il-Gvern se jkun radd lil dawk kollha li jaħdmu madwar €35 miljun.

Waqt l-intervista tiegħu Adrian Delia kompla jxejjen ukoll il-ħidma kbira ta’ Gvern Laburista favur ekonomija b’saħħitha.

Saħansitra giddeb lill-esperti internazzjonali indipendenti li f’rapport wara ieħor kkonfermaw l-ekonomija stabbli ta’ pajjiżna.

Delia qal, “Hawn problemi serji li inti jekk tara l-esperti li qed jitkellmu jekk tara l-ekonomija sa’ Settembru ħa tasal?”

Dan jikkunstrasta għal kollox ma’ dak li qalu l-esperti ta’ Moody’s, Fitch, Standard and Poor’s u l-Fond Monetarju Internazzjonali, li filwaqt li kkonfermaw l-ekonomija ta’ pajjiżna b’klassifikazzjonijiet mill-aktar għoljin sostnew ukoll li l-ekonomija Maltija se tkun minn tal-ewwel fl-Ewropa u fid-dinja li tirkupra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend