L-attakki insensati tal-PN fuq l-Armata jisfumaw fix-xejn  – One News

Notifiki

L-attakki insensati tal-PN fuq l-Armata jisfumaw fix-xejn 

“Erbgħa laqa tal-Gvern.”

Dak kien il-kliem li għażel juża il-Partit Nazzjonalista f’attakk qawwi u insensittiv li kien fetaħ fil-konfront tal-Brigadier Jeffrey Curmi, id-Deputat Kap Kmandant Mark Mallia u membri oħra tal-Forzi Armati ta’ Malta li ngħataw promozzjonijiet fl-2013.

Attakk li sfuma fix-xejn wara li fil-Qorti nstab li ma kien hemm xejn illegali f’dawn il-promozzjonijiet.

Fil-fatt fis-sentenza, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti qal li skont il-liġi, sabiex tingħata promozzjoni għandha tingħata ħarsa lejn l-effiċjenza u l-kariga partikolari li tkun trid tiġi mimlija.

Il-Qorti sabet ukoll li fil-konfront tal-Brigadier u d-Deputat Kap Kmandant il-promozzjonijiet kienu meritati grazzi wkoll għall-bosta kwalifiki li kellhom.

Dwar dan One News tkellem mad-Deputat Laburista u eks Ministru għall-Intern Manuel Mallia.

“Hawnekk għandna sentenza li fil-fatt qed iġġib fix-xejn dak li l-Oppożizzjoni dejjem saħqet. Infatti jien nikkwota mis-sentenza. “Il-Qorti qalet li “Dan l-ilment m’għandux mis-sewwa u għandu jiġi miċħud.”

Dr. Mallia fakkar fl-attakki insensati tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-Gvern u dawn l-individwi.

Fil-fatt kien id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li rrefera għal dawn il-membri tal-Forzi Armati bħala erba’ laqa tal-Gvern.

“Tkellimna dwar il-promotion li ngħataw erbgħa laqa tal-Gvern.”

Azzopardi ma kienx waħdu jmexxi dan l-attakk. Snin wara Dione Borg li kkontesta għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kompla jżeblaħ lil dawn il-persuni.

“Insult lill-istess membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. M’għandhomx il-kompetenzi neċessarji.”

Intant fi stqarrija l-Partit Laburista fakkar kif l-attakki lejn il-Forzi Armati ta’ Malta mill-Partit Nazzjonalista ma waqfux hemmhekk.

Kien sa ftit żmien ilu li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia ried jibgħat lill-Brigadier u l-ekwipaġġ tal-Patrol Boat P52 għomorhom il-ħabs wara denunzji li ressaq l-istess Jason Azzopardi.

Il-Partit Laburista qal li l-Forzi Armati ta’ Malta dejjem għamlet lil Malta kburija u temm jgħid li wieħed jittama li din is-sentenza tiftaħ għajnejn il-Partit Nazzjonalista u l-partit f’tal-Pietà jibdel l-attitudni tiegħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend