Notifiki

Jitlob investigazzjoni dwar li Yorgen Fenech ta flus lill-PN biex Casa ma jitlax

Id-Deputat Nazzjonalista David Thake qed jitlob il-pulizija biex tinvestiga dak li jista’ jkun att kriminali wara li Melvin Theuma xehed taħt ġurament li Yorgen Fenech qallu li kien offra l-flus lill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia biex David Casa ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-sena l-oħra.

David Thake talab investigazzjoni mill-pulizija dwar din l-allegazzjoni hekk kif saħaq li din tista’ tirriżulta f’korruzzjoni.

Thake talab ukoll investigazzjoni interna fil-Partit Nazzjonalista.

Il-Maltatoday irrappurtat li wara li fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista ċaħad li ġie offrut xi flus, David Thake ddistakka ruħu mill-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.

Kien f’Ġunju tas-sena li għaddiet waqt il-programm Xarabank li David Thake għamel din l-allegazzjoni. Allega li Yorgen Fenech offra ħamsin elf ewro lill-Partit Nazzjonalista biex Casa ma jiġix elett.

Liema allegazzjoni ġiet ikkonfermata mill-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma.

“Kemm kien l-ammont li offra Yorgen Fenech lil PN biex Casa ma jiġix elett ? Infurmat li offra 50,000 ewro.”

Fl-istess programm Thake kien akkuża lil Adrian Delia bi prattiċi ta’ korruzzjoni.

“Is-sors li għandi jien jikkonfermah, taf li dan huwa  corrupt practice?”

Ma’ David Thake, ingħaqad ukoll l-esponent ewlieni tal-Għaqda Repubblika u tal-fazzjoni Busuttil, Manuel Delia.

Fuq il-blog tiegħu Manuel Delia kiteb li Adrian Delia ma ċaħadx jekk ħax il-flus. Kiteb li Adrian Delia għandu jgħid jekk ħax il-flus, anki fid-dawl tal-problemi finanzjarji tiegħu.

David Casa magħruf għall-appoġġ tiegħu lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil,  kien mar fuq facebook biex jirringrazzja lil dawk li b’xi mod kienu ta’ għajnuna għalih biex reġa’ tela’ fil-Parlament Ewropew fosthom lil Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil.

B’Casa ħalla barra mir-ringrazzjament tiegħu lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Din mhux l-ewwel darba li l-middleman Melvin Theuma semma lil Adrian Delia.

Ġimagħtejn ilu, ddikjara wkoll li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mar jiekol għand Yorgen Fenech, fir-razzett tiegħu Ħaż-Żebbuġ.

“Adrian Delia saqsa lil Yorgen Fenech jekk jistax imur ir-razzett liebes shorts minflok suit” kien xehed Melvin Theuma.

Adrian Delia ma ċaħadx li ltaqa’ mas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Wara li ħarġu l-allegazzjonijiet ta’ 17 Black, f’April 2019, kien sar magħruf li d-deputati Nazzjonalisti Kristy Debono u Herman Schiavone kien marru jiltaqgħu ma’ Yorgen Fenech.

Huma kien saħqu li marru għand in-negozjant biex jippruvaw iġibu sala b’xejn ħalli jorganizzaw konferenza.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend