Kif se jintlaqtu n-nies bil-pjan ta’ riġenerazzjoni? – One News

Notifiki

Kif se jintlaqtu n-nies bil-pjan ta’ riġenerazzjoni?

Diversi gazzetti l-Ħadd filgħodu rraportaw bi prominenza kif il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-Gvern, se jolqot il-familji u n-negozji.

L-Illum elenkat kif f’ċirkostanzi partikolari, il-Gvern se jkun qed jgħin lin-nies.

Qalet li fost oħrajn mekkanik li jaħdem għal rasu se jibqa’ jirċievi l-ħlas tal-paga ta’ €600 u jibbenefika sa €4000 mir-roħs tal-kont tad-dawl. Se jirċievi wkoll ċekk ta’ €68, il-vawċer tal-mitt ewro, u €250 fi ħlas fuq l-inwork benefit li jinkludi żieda ta’ €80.

Propjetarja ta’ kumpanija tad-tindif se tara l-ispejjeż koperti sa €5000, u bit-tnaqqiss fil-boll tiffranka €10,000 jekk tagħżel li tixtri uffiċju ġdid.

Il-gazzetta t-Torċa wkoll għamlet analiżi simili.

Qalet li ristorant żgħir se jingħata €24,800 f’sostenn u jista’ japplika mal-Malta Enterprise għal rifużjoni tal-kera u tal-kont tad-dawl u jirċievi €4,000.

Ir-ristorant se jingħata wkoll rifużjoni ta’ aktar minn €800 għall-permess tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

F’analiżi oħra tal-gazzetta KullĦadd joħroġ li koppja li għandha dħul ta’ €40,000 fis-sena se tibbenefika mill-voucher ta’ €200 u tnaqqis fit-taxxa ta’ €104. Tibbenefika wkoll min roħs ta’ €82 fi fjuwil f’sena meta stmat fuq nfieq ta’ €25 fil-ġimgħa.

Żewġ għarajjes li jridu jixtru l-ewwel dar tagħhom u li għandhom dħul ta’ €18,000 bejniethom, minbarra li jibbenefikaw mill-voucher ta’ €200 bejniethom, se jieħdu lura €2,000 f’għotja għal posponiment tat-tieġ.

Dan filwaqt li l-koppja se tiffranka €10,500 f’boll u tnaqqis ta’ €100 fit-taxxa.

Miżuri li fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela huma investiment fil-familji u n-negozji.

Fis-Sunday Times of Malta, il-Prim Ministru sostna li meta wieħed imur jixtri minn negozji lokali, mhux biss ikun qed isalva l-għajxien ta’ dak in-negozju iżda l-għajxien tiegħu stess.

Appella lil Maltin sabiex jappoġġjaw bis-sħiħ dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni, għaliex wara li flimkien il-pajjiż għeleb il-pandemija, issa nistgħu nibnu għada aħjar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *