Emozzjonati li attendew quddiesa wara ġimgħat isegwuha fuq it-televiżjoni – One News

Notifiki

Emozzjonati li attendew quddiesa wara ġimgħat isegwuha fuq it-televiżjoni

Fl-ewwel Ħadd wara li reġgħet bdiet issir il-quddies fil-knejjes, bosta knejjes f’pajjiżna raw mhux biss diversi prekawzjonijiet jidħlu fis-seħħ biex tiġi ċċelebrata l-quddiesa, iżda wkoll persuni ħerqana biex ikunu preżenti fiżikalment għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.

F’Jum il-Mulej, ONE news żar il-Parroċċa ta’ San Pietru fil-Ktajjen f’Birżebbuġa, fejn kienu evidenti l-prekawzjonijiet bħat-teħid tat-temperatura, il-ħasil tal-idejn, id-distanza soċjali bejn in-nies u distanza wkoll bejn is-siġġijiet flimkien ma’ sinjali biex jiggwidaw lill-komunità.

Spikkat it-tbissima sinċiera fuq fomm bosta persuni wara li attendew għall-ewwel quddiesa, wara ġimgħat isegwuha fuq it-televiżjoni minn djarhom.

Uħud li tkellimna magħhom qalulna:

  • “Illum l-ewwel quddiesa ħassejtni emozzjonata kważi kont ħa naqbad nibki ngħidlek il-verità.”
  • “Ġie jqarbina f’postna mhux bħas-soltu nitilgħu qisna purċissjoni sal-artal.”
  • “Dik li mifruda minn man-nies hi naqra iebsa fis-sens jiena tarf  u hi tarf ieħor. U t-tqarbin kienet emotionally ħafna li terġa tirċievi l-ostja kienet emotional ħafna.”
  • “Tieħu pjaċir terġa lura ġod-dar t’alla għax id-dar t’Alla fiha ħafna paċi u trankwilità.”
  • “Ħassejtni lucky li erġajt dħalt ġod-dar t’Alla, I was very happy. “

Il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Birżebbuġa, il-Kanonku Anton Galea Scannura wkoll kien kuntent li wara li ttieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, il-knisja reġgħet bdiet tilqa’ lin-nies fi ħdanha.

Hu stqarr: “Jiġifieri huma affarijiet żgħar li qed nieħdu ħsieb is-saħħa ta’ xulxin. Xi ħaġa li dejjem nagħmluha fil-knisja imma b’mod speċjali f’dan iż-żminijiet. Għalina huwa ferħ anke li nagħmlu dan is-sagrifiċċju, sibna ħafna nies li daħlu għal dan l-impenn u l-iskop dejjem hu li niċċelebraw flimkien u f’ambjent sigur.”

Il-Kappillan sostna li l-kooperazzjoni ta’ kulħadd f’dawn l-aħħar ġimgħat waslet għal din il-ġurnata meta kullħadd ngħaqad bħala familja.

Huwa kompla jgħid: “In-nies dejjem jikkoperaw u ħaġa sabiħa li flimkien ikkoperajna ħalli niċċelebraw mill-ġdid l-ewkaristija  bħala familja.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend