“Yorgen Fenech ta’ Tumas qabbadni noqtolha” – Melvin Theuma fil-Qorti – One News

Notifiki

“Yorgen Fenech ta’ Tumas qabbadni noqtolha” – Melvin Theuma fil-Qorti

“Jien ma’ Keith Schembri naħlef li qatt ma kelli kuntatt. Rajtu darbtejn biss f’ħajti.”

Xehed dan il-middleman Melvin Theuma, ix-xhud ewlieni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hekk kif il-Ġimgħa reġgħet kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra l-aħwa Alfred Degiorgio u George Degiorgio u Vince Muscat, l-allegat eżekutturi fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fil-preżenza tal-akkużati, instemgħu r-recordings ta’ konversazzjonijiet li kellu Theuma ma’ Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Għal darba oħra Melvin Theuma reġa’ ddikjara kif daħħal hu f’moħħu li Keith Schembri huwa imdeffes f’dan il-qtil, mhux għax xi darba Schembri kellmu fuq dan il-qtil . “Jien dejjem daħħalt lil Keith Schembri magħhom fil-keffa. Pero lili, Keith Schembri qatt ma kellimni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u lanqas qatt ma għaddieli xi flus”, saħaq ix-xhud.

Filfatt wara recording minnhom li nstema’, Theuma xehed “Yorgen Fenech qatt ma qalli li Keith Schembri huwa involut fil-qtil. Filfatt kif smajtu fir-recording,  Yorgen qalli li Keith kesaħ meta qallu x’għamel u qalli ukoll li Keith Schembri daħal fin-nar għalih.

F’recording ieħor Melvin Theuma instema’ jagħmel pressjoni fuq Yorgen Fenech sabiex ikellem lil Keith Schembri biex jirranġa lil Fulu, lill-Koħħu u ċ-Ċiniż u jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Iżda Yorgen jinstema’ jgħidlu dak lanqas irranġa l-affarijiet tiegħu, b’referenza għal kawżi li kellu Keith Schembri l-Qorti.

F’recording ieħor jissemma l-Imħallef Mizzi, b’Theuma qal lil Yorgen Fenech biex ikellem lill-Imħallef Mizzi biex lill-allegat eżekuturi, itihom l-ħelsien mill-arrest.

Yorgen Fenech qallu “ma tarax”. Yorgen qallu li Keith Schembri mar jitkixxef mingħand l-Imħallef Mizzi fuq il-libertà kundizzjonata iżda Theuma ċċara li hu ma jafx dan hux vera għax fil-verità l-eżekutturi għadhom sa issa arrestati.

Qal ukoll li kien qal lil Yorgen biex ikellem lil Joseph Muscat, imma Yorgen Fenech qallu,”Dak ikun l-ikbar żball li nagħmel”.

Melvin Theuma qal li Yorgen Fenech u Johann Cremona kienu jgħidlu li Chris Cardona involut fil-qtil. B’Melvin Theuma reġa’ ddikjara li hu qatt ma kellu kuntatt ma Chris Cardona u dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia lil persuna waħda jaf, lil Yorgen Fenecg. “Jien sinjura Maġistrat persuna waħda naf, Yorgen Fenech ta’ Tumas, hu qabbadni noqtolha.”

Nhar it-Tnejn mistenni jixhed Johann Cremona fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech.

Il-prosekuzzjoni fil-qtil ta’ Caruana Galizia qed titmexxa mill-ispettur Keith Arnaud u l-ispettur Kurt Zahra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend