3,900 familja se jgawdu mit-twessigħ tal-in-work benefit – One News

Notifiki

3,900 familja se jgawdu mit-twessigħ tal-in-work benefit

Il-miżura tal-in-work benefit twessgħet sew fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Għada Aħjar’, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-miżura l-ġdida tal-in-work benefit se tolqot 3,900 familja u madwar 6,440 tifel u tifla.

Dawn il-persuni se jibdew jieħdu wkoll iż-żieda adizzjonali dovuta lilhom ta’ €250 mill-pagament ta’ Lulju li ġej.

F’Ottubru, jibdew jingħataw il-pagamenti bir-rati l-ġodda. Il-pagament t’Ottubru se jkun ikopri minn Lulju sa Settembru.

Iż-żieda se jibbenefikaw minnha koppji li t-tnejn jaħdmu, ġenituri li jrabbu waħidhom u koppji fejn jaħdem ġenitur wieħed biss.

Il-benefiċċju twessa għad-dħul ta’ €26,000 u l-ogħla rata applikabbli għal kull wild telgħet għal €1,400, f’każ fejn jaħdmu ż-żewġ ġenituri.

Ir-rata fejn jaħdem ġenitur wieħed telgħet għal €22,000 u l-ogħla rata applikabbli telgħet għal €630.

Ir-rata għal persuna waħidha żdiedet għal €18,200 fis-sena, bid-dħul għal kull wild tela’ għal €1,400.

Il-Ministru Michael Falzon spjega illi dawn iż-żidiet se jammontaw għal €4 miljun, filwaqt li fakkar illi dan il-Ministeru baqa’ jħaddem miżuri bħat-tapering tal-benefiċċji u childcare b’xejn fost oħrajn.

“It-tapering of benefits baqa’ għaddej u allura hemm impetus mill-Gvern u l-pajjiż kollu li nkunu iktar solidali ma’ xulxin u nimxu iktar ‘il quddiem. Ta’ min jgħid ukoll li min qed jagħmel użu minn childcare b’xejn,” saħaq Dr Falzon.

Il-Ministru Falzon semma r-roħs fil-prezzijiet tal-fjuwils b’seba’ ċenteżmi minn nhar it-Tnejn li ġej bi spiża li tlaħħaq is-€7 miljun, l-għotja ta’ €2000 għal dawk li kellhom imexxu d-dati tat-tieġ tagħhom u t-tnaqqis fit-taxxa tal-boll minn 5% għal 1.5% sal-ewwel €400,000 tal-valur tal-propjetà.

Michael Falzon spjega li dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika huwa addizzjonali għall-budget ta’ din is-sena.

Budget li fost oħrajn daħħal fis-seħħ iċ-Child Bonus ta’ €3000, li minnu diġà gawdew madwar 4000 koppja li jew kellhom it-tfal jew addottaw kif ukoll l-għotja lill-anzjani.

“Dak kien benefiċċju ġdid, ma ġibniex skużi u dak il-benefiċċji daħħalnih fis-seħħ f’Marzu. Żidna l-benefiċċju ieħor l-istess is-senior citizen grants fejn hemmhekk għall-ewwel darba l-anzjani li qegħdin f’dar privata u li jħallsu minn buthom qed naraw li jieħdu għotja ta’ 300 ewro. Benefiċċju ġdid li jwieżen lil dawk li fl-aħħar snin ta’ ħajjithom għażlu triq li ma jkunux jiddependu mill-Gvern,” spjega l-Ministru Falzon.

Irrefera wkoll għat-twettiq ta’ numru ta’ miżuri adizzjonali fl-aħħar 3 xhur, sabiex jgħin dawk il-persuni li kienu affetwati bil-Covid-19 bħas-solitudni.

Dan fi sfond li fuq in-numru 1772 qed jidħlu medja ta’ tmenin telefonata kuljum.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend