Il-PM jappella biex l-Oppożizzjoni ma tabdikax minn proċess kruċjali fl-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija – One News

Notifiki

Il-PM jappella biex l-Oppożizzjoni ma tabdikax minn proċess kruċjali fl-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija

Il-Prim Ministru appella lill-Oppożizzjoni biex ma tabdikax mill-funzjoni tagħha u tipparteċipa fi proċess kruċjali fl-għażla ta’ Kummsisarju tal-Pulizija.

Waqt tweġibiet li kien qed jagħti lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Robert Abela appella lill-Oppożizzjoni biex tibdel il-pożizzjoni tagħha u tipparteċipa fl-iskrutinju parlamentari fuq Angelo Gafà li ġie riferut għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija mill-Kabinett.

Il-Prim Ministru stqarr, “Għalhekk jiena nagħmel appell lill-Oppożizzjoni biex tibdel il-fehma tagħha fost oħrajn biex l-Oppożizzjoni tkun tista’ tagħmel domandi bħal dawk li għadek kif għamilt inti. Nieħu pjaċir li domanda kif li għadek għamilt issa, l-Oppożizzjoni tagħmilha quddiem il-kumitat parlamentarimhux tabdika mill-funzjoni tagħha u tiddeċiedi li ma tattendix quddiem dan il-kumitat imma domandi bħal din, domandi li jistgħu jkunu iżjed diffiċli, jistgħu jkunu aktar antipatki, li jidħlu f’kull aspett tal-operat tal-pulizija, li jidħlu anki fuq l-indivdwu.”

Dr. Abela qal li Angelo Gafà dejjem kien pulizija rett u bħala kap eżekuttiv tal-Korp għamel xogħol tajjeb u l-elementi ta’ onestà, rettezza u dixxiplina jiddistingwuh.

“Lil Angelo Gafa ħdimt miegħu sa minn madwar għoxrin sena ilu meta lħaqt avukat. Dejjem nafu bħala uffiċjal tal-pulizija rett, onest li ma tantx tridu li jkun kontrik meta jkun fuq in-naħa tad-difiża għaliex kien jagħmel investigazzjoni u prosekuzzjoni b’mod mill-aktar assigwu u normalment kont tispiċċa fuq in-naħa telliefa tiegħu.” Saħaq il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru spjega kif għadu ma sema lil ħadd jiċċensura lil Angelo Gafà u għalhekk appella lill-Oppożizzjoni biex bħall-għażla unanima dwar il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, jsir qbil unanimu fuq din il-bidla bla preċedent li qed issir fil-korp, fejn l-ogħla kariga se timtela’ wara sejħa pubblika u proċess trasparenti bl-involviment tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

“Li nista’ nassigura li dan se jkun Gvern li se jħalli lil Kummissarju l-ġdid tal-pulizija, jekk jiġi approvat mill-Kamra tad-Deputati għaliex hemm ukoll li wara l-iskrutinju, wara l-grilling irid jittieħed vot. Se jitħalla jagħmel ix-xogħol kollu tiegħu.” Spjega Dr Abela.

Mistoqsi dwar jekk il-kandidati li ma ntgħażlux ġewx infurmati, il-Prim Ministru qal li ma jistax iwieġeb dwar dan għaliex il-Gvern ma kienx involut f’dan il-proċess li sar kollu mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, organu Kostituzzjonali li fih ħames membri.

Żewġ membri ġew nominati mill-Gvern u żewġ membri oħra mill-Oppożizzjoni u ċ-Chairman tal-Kummissjoni, Louis Naudi nħatar bi qbil bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *