Pjan li jindirizza s-sitwazzjoni bla preċedent li għaddejna minnha – One News

Notifiki

Pjan li jindirizza s-sitwazzjoni bla preċedent li għaddejna minnha

Pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li tfassal abbażi tas-sitwazzjoni bla preċedent li l-pajjiż affaċċja fl-aħħar xhur minħabba l-pandemija Covid-19.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li mexxew id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, huma u jispjegaw aktar il-miżuri mħabbra mill-Prim Ministru t-Tnejn.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-fatt li l-gvern issa huwa f’pożizzjoni li jiddiskuti kif se jagħti ħajja mill-ġdid u l-kummerċ li għandu jerġa’ jibda jsir, juri kemm mexa b’għaqal tul il-pandemija.

Hawn spjega wkoll kif dan l-istimolu ekonomiku jippromwovi l-importanza li wieħed jieħu ħsieb saħħtu, fosthom bid-diversi għajnuniet lin-negozji li kienu kostretti jnaqqsu l-ammont ta’ klijenti li jridu jaqdu minħabba l-miżura tad-distanza soċjali.

Id-Deputat Prim Ministru stqarr: “Jekk is-soltu jkollok ristorant ta’ 20 mejda, illum qed ngħidu biex tkun sigur int, u biex iħossuhom il-klijenti siguri u jerġgħu jibqgħu jiġu għax is-saħħa tagħhom imħarsa, għandek bżonn tagħmel 12 jew 10. Imma dan mhux nitolbuk tagħmlu waħdek, għax jekk int qed tħares id-distanza soċjali u għandek anqas imwejjed, biex inġib eżempju, aħna se nraħħsulek il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.”

Il-figuri ta’ każijiet attivi ta’ Covid-19, u l-fatt li issa r-rata ta’ firxa tal-virus issa niżlet għal 0.6%, taw raġun lill-gvern inaqqas il-miżuri bil-mod. Minkejja dan spjega li f’każ li fil-futur xi pandemija oħra terġa’ tfaqqa’, Malta hija preparata tajjeb mill-aspett ta’ saħħa pubblika biex tilqa’ għaliha.

Hawn ħeġġeġ biex kulħadd jieħu t-tilqima tal-influwenza, u li fil-fatt il-Gvern qed jaħdem biex jitlaqqmu d-doppju ta’ persuni li s-soltu jieħdu din it-tilqima.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega kif dan il-pjan tfassal fi żmien fejn setturi sħaħ kienu f’lockdown kawża tal-pandemija Covid-19. Qal li l-prijorità ewlenija tal-gvern hija s-salvagwardja tal-impjiegi li l-ħaddiema għandhom igawdu fit-tul. Filfatt ix-xewqa tal-Gvern Malti hi li l-ekonomija Maltija tirpilja u tkun sodisfaċenti mill-ġdid.

Spjega kif b’dan il-pjan, il-Gvern ried jagħmel kuraġġ lil dawk l-industriji li se jerġgħu jiftħu l-bibien wara l-pandemija, fosthom dik tat-turiżmu u l-kummerċ. Dan billi fost l-oħrajn, se jibqa’ jħallas il-pagi tal-ħaddiema li huma eliġibbli għall-għajnuna fil-ħlas tal-pagi u s-sussidju fuq il-kontijiet tal-enerġija għan-negozji għat-tliet xhur tas-sajf.

Fuq kollox qal li kien kruċjali għall-gvern li l-effett tal-miżuri jibda jinħass minnufih.

Il-Ministru Scicluna sostna: “Dak hu l-iskop tagħhom, biex ma nidħlux f’kumplikazzjonijiet. Fuq il-karta, tat-taxxa kulħadd iridha, imma tiġi biex tiddikjaraha sena oħra, u tħoss l-effett tagħha sentejn oħra. Hekk tard wisq. Qed nitkellmu fuq ossiġnu li rridu nagħtu lin-negozji u l-kulħadd illum, għax għada huwa tard wisq. Għalhekk huwa pjan li hu mfassal fuq is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna llum.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend