Id-Dwana b’investiment ta’ €8 miljun fuq aktar apparat  – One News

Notifiki

Id-Dwana b’investiment ta’ €8 miljun fuq aktar apparat 

Fl-aħħar snin l-investiment ta’ apparat li għamlet id-Dwana sarraf f’qabdiet rekord ta’ droga u kuntrabandu. Għat-tliet snin li ġejjin din il-ħidma se tkompli tisaħħaħ permezz ta’ aktar investimenti, li jammontaw għal tmien miljun ewro.

Dan l-istazzjon tkellem mad-Direttur Ġenerali tad-Dwana, s-Sur Joseph Chetcuti fejn spjegalna dwar l-istrateġija għas-snin li ġejjin ta’ dan id-dipartiment li jaqbad tant kriminalità.

Fost l-oħrajn se jinġieb scanner biex jeżamina iżjed kunsinji.

“L-istrateġija l-ġdida se tkun iffokata billi se nkomplu nsaħħu l-istruttura, se nkomplu ninvestu f’apparat, pereżempju fil-ġimgħat li ġejjin fi ftit ġranet oħra se jasal luggage scanner van ġdid”

Is-Sur Chetcuti qal ukoll illi l-apparat ta’ scanning li ġie nstallat fil-Port Ħieles se jkun installat ukoll fil-Port il-Kbir.

“Se nkunu qed ninvestu wkoll fis-snin li ġejjin, tul din l-istrateġija, faċilità ġdida fil-Marsa, fejn se jiġi replikat dak li sar il-Freeport. Jiġifieri l-faċilità li hemm il-Freeport ta’ scanning ta’ containers u trailers u vetturi se tiġi replikata fil-Port il-Kbir, biex l-istess kontrolli li għandna fuq merkanzija li titrasborda Malta, issa nagħmluha wkoll fuq il-merkanzija li qed tiġi importata f’Malta”

Madanakollu, fl-istrateġija l-ġdida se jkun hemm investiment akbar fit-taħriġ tar-riżors uman.

“F’din l-istrateġija tagħmel enfasi fuqha mhux għall-Port Ħieles biss imma għad-dipartiment kollu fuq it-taħriġ kontienwu tan-nies. Għax l-akbar investiment, tonfoq kemm tonfoq fl-apparat, tonfoq kemm tonfoq faċilitajiet, l-ikbar investiment huwa fin-nies li jħaddmu dak l-apparat”

Id-Direttur tad-Dwana saħaq li l-informazzjoni li tidħol fis-sistemi tad-Dwana qed tiġi analizzata u mdawra f’intelliġenza biex jibdew jinqabdu iżjed illegalitajiet.

“Nattakkaw direttament fejn għandna nattakkaw minflok nibqgħu bis-sistema l-antika fejn toħroġ tistad għal dak li tista’ taqbad, imma tmur direttament fejn hemm ir-riskju”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend