Jiddaħħlu l-immigranti abbord il-Captain Morgan wara kommossjoni li pperikolat ħajjet l-ekwipaġġ – One News

Notifiki

Jiddaħħlu l-immigranti abbord il-Captain Morgan wara kommossjoni li pperikolat ħajjet l-ekwipaġġ

Il-Gvern Malti ħabbar li ddeċieda li jdaħħal f’Malta lill-immigranti li għal dawn l-aħħar 40 jum kienu qed jinżammu barra t-territorju Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri saret diffiċli ħafna u qamet kommossjoni.

Fi stqarrija il-Gvern sostna li mhux lest li jipperikola ħajjet l-ekwipaġġ u l-persuni nkluż Maltin li qed jaħdmu ma’ dawn l-immigranti minħabba n-nuqqas t’azzjoni u solidarjetà tal-Membri Stati l-oħra sabiex dawn l-immigranti jitqassmu f’pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern Malti spjega wkoll li għadu għaddej b’negozjati intensivi għar-rilokazzjoni. B’iktar importanza l-proċess tal-applikazzjoni tal-ażil ser jiġi aċċellerat fil-każ ta’ dawk l-immigranti li ġejjin minn pajjiżi meqjusa siguri. F’dawk il-każi fejn it-talba għal ażil ma tintlaqax, dik il-persuna tiġi rritornata lejn pajjiżu wara ftit ġranet.

B’hekk l-istqarrija qalet li dan il-każ jikkonferma li, filwaqt li Malta żammet soda għalkemm tħalliet waħedha, kważi ħadd fl-Ewropa ma jrid lill-immigranti, minkejja l-ħafna diskors dwar solidarjetà.

Il-Gvern temm jgħid li filwaqt li pajjiżna baqa’ jonora l-obbligi internazzjonali tiegħu, illum hu riżolut iktar minn qatt qabel li jaħdem mal-Libja għaliex ma’ dan il-pajjiż tista’ tinstab soluzzjoni effettiva u konkreta kontra t-traffikanti tal-bnedmin.

Din id-deċiżjoni setgħet tittieħed ukoll għax b’kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u Libjani, fl-aħħar ġimgħat inġabru madwar 1,500 immigrant mill-gwardja tal-kosta Libjana, li faċilment setgħu spiċċaw f’Malta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend