F’sena l-Parlament iltaqa’ 94 darba u ġew mgħoddija 39 liġi – One News

Notifiki

F’sena l-Parlament iltaqa’ 94 darba u ġew mgħoddija 39 liġi

L-Ispeaker tal-kamra tar-rappreżentanti, Anġlu Farrugia, stqarr li l-Parlament Malti jista’ jiffunzjona b’mod li huwa ta’ eżempju għas-soċjetà.

Qal dan f’messaġġ fl-okkażjoni tas-Sette Giugno fejn stqarr li tul il-pandemija tal-Covid-19 li laqtet lid-dinja, il-parlament Malti baqa’ jiffunzjona.

Fil-fatt innota kif il-Membri u x-xhieda li kienu msejħa jidhru quddiem il-kumitati komplew il-parteċipazzjoni b’mod elettroniku.

Sar ftehim ukoll sabiex dawk il-persuni li jikkwalifikaw bħala persuni vulnerabbli, jipparteċipaw f’dawn il-kumitati permezz ta’ faċilitajiet ta’ video conference minflok ma jkunu preżenti fiżikament għal-laqgħat.

L-ispeaker wera s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-fatt li dan il-ftehim propost mill-Uffiċċju tiegħu sab l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-kamra.

B’dispjaċir semma l-protesti li saru biswit il-parlament f’Novembru u Diċembru, u qal li seta’ kien hemm komportament iktar matur.

Stqarr li filwaqt li jemmen fid-dritt li wieħed joħroġ jipprotesta, dan ma jista’ qatt iwassal għal ksur tal-liġi fil-konfront tal-istituzzjoni tad-demokrazija parlamentari.

Stqarr li tul din is-sena sar xogħol parlamentari kbir, iżda kien hemm talbiet għal rulings li fl-opinjoni tiegħu setgħu ġew evitati.

Dr Farrugia qal: “Matul is-sena li għaddiet mill-aħħar diskors tiegħi tas-Sette Giugno fl-2019, il-Parlament Malti diġà ltaqa’ 94 darba u kien hemm aktar minn 100 laqgħa tal-kumitati parlamentari, li llum jammontaw għal 15. Ġew ukoll mgħoddija 39 liġi, li fuq tlieta minnhom biss saret talba għal division fl-istadju tat-Tielet Qari. Huwa veru li s-Sedja ġiet mitluba 13-il darba sabiex tagħti deċiżjoni fuq punti ta’ proċedura, imma jkolli ngħid li fl-opinjoni tiegħi wħud minn dawn it-talbiet għal rulings setgħu ġew evitati kieku kien hemm aktar koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat.”

L-Ispeaker innota b’sodisfazzjon li kien hemm koperazzjoni sħiħa bejn id-Deputati taż-żewġ naħat tal-kamra dwar numru ta’ liġijiet u riżoluzzjonijiet li tressqu b’urġenza biex ikunu indirizzati b’rabta mal-pandemija tal-Covid-19.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend