€90,000 biex titkompla riċerka fuq sit popolari mal-għaddasa – One News

Notifiki

€90,000 biex titkompla riċerka fuq sit popolari mal-għaddasa

Investiment ta’ €90,000 mill-Awtorità tat-Turiżmu se jara aktar riċerka mid-Dipartiment tal-Istudji Klassiċi u l-Arkeoloġija fuq fdalijiet ta’ bastiment Arkajku ta’ 2,700 sena ilu li jinsabu mgħerrqa ‘l barra mill-bajja tax-Xlendi f’Għawdex.

Parti minn dan il-finanzjament ra wkoll il-ftuħ ta’ pjattaforma diġitali online b’kollaborazzjoni ma’ Google Arts & Culture biex diversi persuni minn madwar id-dinja jkollhom aċċess għal dan is-sit permezz tat-teknoloġija virtwali.

Id-direttur ta’ dan il-proġett, il-Professur Timmy Gambin spjega li x-xini nstab f’fond ta’ 110 metri u huwa waħda mill-iżjed skoperti interessanti fl-aħħar snin.

Il-Prof. Timmy Gambin qal: “Tant huwa proġett importanti li f’dawn l-aħħar snin qed ninvestu ħafna mhux biss flus imma ħafna riċerka biex nifhmu aktar aħjar dan is-sit uniku.”

Il-fdalijiet huma riżors arkeoloġiku uniku u prezzjuż li jixħet dawl fuq l-istorja ekonomija tal-pajjiż, u r-rabta kummerċjali f’nofs il-Mediterran fiż-żmien Arkajku.

Il-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli rrimarkat li dan il-proġett se jkun il-qafas li joffri prodott turistiku ġdid.

Hija stqarret: “Ser tkun il-pedament li ser iwassal għal prodott turistiku ġdid, niċċa li aħna bħala pajjiż verament irridu naħdmu biex nattiraw lejn pajjiżna.”

Dawn ir-rizorsi qed jintużaw ukoll biex isir ġbid taħt il-baħar, appoġġ għall-għaddasa, restawr, studji u testijiet oħra. Dan filwaqt li qed issir kampanja qawwija dwar l-għadds u l-istorja sabiex jippromwovu din l-industrija bħala niċċa oħra ta’ turiżmu lejn pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend