L-Air Malta tkeċċi nofs il-bdoti wara li l-ALPA insistiet fuq €73 miljun għal skema tal-irtirar – One News

Notifiki

L-Air Malta tkeċċi nofs il-bdoti wara li l-ALPA insistiet fuq €73 miljun għal skema tal-irtirar

L-Air Malta ħadet id-deċiżjoni li jkunu ssensjati nofs il-piloti, wara li l-union tal-bdoti talbet €73 miljun  għall-iskema tal-irtirar.

Fi stqarrija, kemm il-Gvern u anki l-Air Malta, qalu li l-linja nazzjonali tal-ajru għamlet bosta laqgħat twal mal-ALPA biex tissalvagwardja s-sostenibbiltà u l-vijabbiltà tal-kumpanija.

Madanakollu, wara li l-union tal-bdoti insistiet fuq skema ta’ rtirar kmieni ta’ €73 miljun – li jfisser medja ta’ €700,000 għal kull bdot – il-linja tal-ajru Maltija ma kelliex għażla oħra, ħlief li tipproċedi bis-sensji ta’ 69 bdot.

Il-Ministru reponsabbli mill-Air Malta, Silvio Schembri, qal li l-azzjonijiet tal-ALPA ppruvaw joħonqu l-operat tal-Air Malta, hekk kif it-talbiet li saru ma kinux raġjonevoli fi żmien meta d-dħul tal-linja tal-ajru naqas bil-kbir minħabba l-pandemija.

Il-Ministru esprima d-dispjaċir tiegħu bil-pożizzjoni li ħadet l-ALPA, b’detriment għall-membri tagħha stess, u stqarr li kien qed jittama li bħalma waslu ma’ unions oħrajn, setgħu jaslu mal-piloti wkoll.

Huwa qal: “Jumejn ilu konna wasalna fil-verità, però mbagħad iċ-Chairman irċieva messaġġ fin-nofs siegħa ta’ filgħodu li dawn biex ikomplu t-taħdidiet, l-ALPA kienet qed titlob li jkun hemm somma ta’ tlieta u sebgħin miljun ewro bħala early retirement ħalli jkomplu d-diskussjonijiet. Din kienet xi ħaġa mhux aċċettabbli, lanqas bħala Gvern, għax fl-aħħar mill-aħħar, fiċ-ċirkostanzi li qiegħda l-Air Malta, irid ikun il-Gvern li jidħol għaliha bl-għajnuna finanzjarja kif fil-fatt ħa jkun qiegħed jagħmel, imma ħa jkun qiegħed jagħmel hekk meta u kif l-Air Malta tkun sostenibbli biex tkun tista’ tikkompeti.”

Il-Ministru rringrazzja lill-unions l-oħra li jirrapreżentaw il-kumplament tal-ħaddiema tal-Air Malta li aċċettaw il-bidliet neċessarji fil-ftehimiet kollettivi rispettivi, li kienu meħtieġa biex jissalvagwardjaw kemm l-impjiegi imma anki l-futur tal-kumpanija.

Il-Ministru Schembri sostna: “Aħna rridu nkunu responsabbli għal flus il-poplu u ma stajna qatt naċċettaw sitwazzjoni li npoġġu l-kumpanija għarkupptejha jew inkella l-Gvern għarkupptejh u għalhekk sfortunatament kellna naslu għad-deċiżjoni li wasalna sabiex naraw li eventwalment issa l-Air Malta tkompli tiffoka biex iġġib it-turisti lejn pajjiżn u bil-mod kif qed noperaw, bil-ħames ajruplani, ħa nkunu qed nassiguraw li nistgħu noperaw ir-rotot kollha prinċipali sal-aħħar tas-sena sabiex nibdew naraw li nġibu iżjed turisti lejn pajjiżna.”

Il-Gvern qal li se jibqa’ kommess li jagħti l-appoġġ tiegħu lill-kumpanija u lill-ħaddiema biex l-Air Malta tibqa’ topera u tkun sostenibbli, fl-istess waqt li tipprovdi l-konnettività għall-industrija tat-turiżmu b’rotot ewlenin li jwasslu biex mhux biss jibbenefikaw il-ħaddiema imma anki l-ekonomija Maltija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend