BIL-FILMAT: €1.5 miljun mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment għall-Caritas – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: €1.5 miljun mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment għall-Caritas

Fi żjara li saret fl-uffiċini tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar l-għotja ta’ miljun u nofs ewro mill-fond għall-iżvilupp nazzjonali u soċjali sabiex Caritas Malta tinvesti fi proprjetà ġdida fi Blata l-Bajda.

Caritas se tkun qed tagħmel ċentru li minnu jingħataw servizzi ta’ rijabilitazzjoni mid-droga fost oħrajn.

Il-Prim Ministru qal li l-ġid li ħoloq dan il-programm imur lil hinn minn għajnuna finanzjarja f’mumenti ta’ emerġenza nazzjonali.

Tenna li l-Gvern dejjem ħadem biex il-programm jibqa’ jissaħħaħ u jibqa’ jsir iżjed trasparenti bi skrutinju adegwat sabiex jintużaw fondi li jmexxu lil pajjiżna iżjed ’il quddiem; partikolarment favur dawk l-individwi li huma fost l-iżjed milquta minn sfidi soċjali u diffikultajiet varji.

Min-naħa tiegħu d-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, tenna kif din l-allokazzjoni tal-Gvern se tgħin biex jitwettaq proġett li ilu ħolma għall-organizazzjoni li jmexxi sa mill-2005.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, Jonathan Cardona, wera sodisfazzjon għall-fatt li dan il-programm qed kulma jmur ikompli jsaħħaħ l-iżvilupp soċjali f’pajjiżna.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, qal li bis-saħħa tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, matul din is-sena 63.8 miljun ewro laħqu għaqdiet mhux governattivi bħalma hi Caritas li tgħin bis-sħiħ is-soċjetà Maltija.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li l-fondi ġġenerati mill-programm se jintużaw ukoll għall-ġid tal-komunità għax mingħajr għaqdiet bħal Caritas ċertu proġetti ma setgħux isiru biex jgħinu lill-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend