Jitkellem iċ-Charge d’Affaires tal-Ambaxxata Amerikana dwar it-traġedja ta’ Floyd – One News

Notifiki

Jitkellem iċ-Charge d’Affaires tal-Ambaxxata Amerikana dwar it-traġedja ta’ Floyd

Pulizija Amerikan ta’ karnaġġjon abjad b’irkupptejh fuq għonq suspettat ta’ karnaġġjon skur, b’dan tal-aħħar itenni għal minn tal-inqas disa’ darbiet li ma jistax jieħu nifs sakemm tilef ħajtu.

Dan kien il-filmat li dar id-dinja u ddomina x-xena internazzjonali fl-aħħar ġimgħa u nofs.

Il-mewt ta’ George Floyd waqt li kien fil-kustodja tal-Pulizija ta’ Minneapolis fl-Istati Uniti ġab kundanna u stmerrija fid-dinja kollha, u xpruna protesti kemm fl-Amerika kif ukoll f’pajjiżi oħra.

Il-protesti bdew mill-kwistjoni tar-razziżmu u l-brutalità tal-Pulizija Amerikana fuq suspettati ta’ minoranza etnika, b’mod partikolari l-komunità Afrikana Amerikana. Iżda issa wkoll qed jirrapreżentaw skuntentizza dwar il-qagħda ekonomika u soċjali.

Saħansitra wħud minn dawn il-protesti kienu vjolenti, tant li l-Amerka spiċċat taffaċja kriżi ta’ ordni pubblika fl-istess waqt li għadha taħt il-madmad tal-imxija tal-Coronavirus.

Iċ-Charge d’Affaires tal-Ambaxxata Amerikana f’Malta filwaqt li rrikonoxxa l-mod xokkanti li bih inqatel George Floyd, semma li dan hu sintomatiku ta’ pajjiż li għadu qiegħed jtejjeb il-mod ta’ kif jittratta l-minoritajiet.

Huwa stqarr: “Since the beginning of this country we’ve been improving, we’ve been trying to get this right. That’s what democracy is, things are better now than they were in the 1950s which is better than the 1850s when slavery was still in effect. But we have work to do and our journey is clearly not finished. The murder of George Floyd is unfortunately one in this series of tragedies.”

Qal li l-kriżijiet li affaċċjat l-Amerka ħolqu tensjoni li żbruffat mal-qtil ta’ George Floyd.

Is-Sur Schapiro sostna: “The non-violent protesters will go into a drive to bring about change. We’ve seen that in the past, will we see that perfect union that we are aspiring to? I hope so but we can do better and the benefit of an open society is that you will see this in full trasparency.”

Huwa semma li l-iskrutinju fuq l-Amerika dejjem se jkun ikbar, għaliex l-Istati Uniti huwa pajjiż miftuħ u liberu u ma hemm l-ebda xkiel fuq it-tixrid tal-informazzjoni.

Intant erba’ uffiċjali tal-pulizija oħra li kienu preżenti waqt li Floyd kien qed jieħu l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu, ġew mixlija b’kompliċità fil-każ.

B’Derek Chauvin, li deher fil-filmat jifga lil Floyd, qed jiġi mixli b’omiċidju f’Qorti Amerikana.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend