“Il-poplu qed jgħix il-ħidma ta’ Gvern Laburista, kuljum” – One News

Notifiki

“Il-poplu qed jgħix il-ħidma ta’ Gvern Laburista, kuljum”

“Il-poplu qed jgħix il-ħidma ta’ Gvern Laburista, kuljum”.

F’għeluq it-3 snin ta’ ħidma mindu l-Partit Laburista reġa’ ngħata l-fiduċja biex imexxi l-Gvern, il-President tal-Partit Laburista ta sfond dettaljat tal-ħidma li wettaq Gvern Laburista biex itejjeb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Daniel Micallef spjega li l-kunċett ewlieni li fuqu huwa msejjes il-manifest elettorali tal-Partit Laburista, li huwa dak tat-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, ikkumplimentat minn ekonomija b’saħħitha u tisħiħ tal-qafas soċjali ta’ pajjiżna.

Spjega li fi tliet snin, Gvern Laburista implimenta jew qiegħed fi stadju li jwettaq 76% ta’ 722 miżura.

Filwaqt li elenka numru ta’ miżuri ewlenin li diġà twettqu, il-Perit Daniel Micallef qal ukoll li Gvern Laburista wera l-importanza li jagħti vuċi liż-żgħażagħ, u li jżid il-parteċipazzjoni femminili fil-ħajja soċjali u politika.

Daniel Micallef qal li tul dawn it-3 snin, Gvern Laburista wera kemm għandu għal qalbu l-ħaddiema, il-familji, iż-żgħażagħ u n-negozji, u bl-istess impenn se jara li fis-sentejn li ġejjin se jkompli jwettaq il-wegħdiet fil-manifest elettorali kollu u jħares ’il quddiem għal aktar kisbiet għal pajjiżna.

Huwa stqarr: “Kommessi li naraw li l-Gvern jimplimenta l-kumplament tal-manifest – fil-fatt hemm ħafna proposti li x-xogħol diġà beda fuqhom – imma kommessi wkoll li meta jasal il-mument, meta jispiċċa l-mandat ta’ dal-Gvern sentejn oħra, immorru quddiem il-poplu b’manifest implimentat kif imwiegħed u b’manifest aktar ambizzjuż minn ta’ qablu sabiex inkomplu nġeddu lil pajjiżna u nħarsu ’l quddiem għal aktar kisbiet.”

Din il-ħidma f’pajjiżna mxiet id f’id mal-ħidma fuq livell Ewropew.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Miriam Dalli, spjegat li fil-Parlament Ewropew, kull liġi li jsir xogħol fuqha, tara li tirrispetta l-valuri li huwa msejjes fuqhom il-Partit Laburista.

Innutat li b’kuntrast għal Gvern li ħadem u wettaq fi tliet snin, hemm Oppożizzjoni li baqgħet l-istess, moħħha biex tiskurja punti politiċi u xxekkel il-ħidma tal-Gvern.

Qalet li kienet ixxukkjata meta l-Partit Nazzjonalista ma kienx kapaċi jaqbel mal-liġi tal-vjolenza domestika fl-2018 li ħarrxet il-pieni ta’ dawk li jinstabu ħatja ta’ din il-pjaga soċjali.

Dr Dalli qalet li l-Partit Nazzjonalista huwa komdu jkun irresponsabbli dwar il-proċess tal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija għax naqas li jiddikjara li jieħu sehem fi proċess trasparenti għall-ogħla kariga tal-Korp tal-Pulizija.

Innutat ukoll li l-pandemija tal-Coronavirus preżentat sfida oħra, imma l-Partit Nazzjonalista għażel li jifred f’mument li l-pajjiż għandu bżonn ikun magħqud.

Dr Dalli qalet: “Is-sitwazzjoni tal-Oppożizzjoni tpoġġi responsabbiltà akbar fuq il-Partit Laburista biex inkunu saqajna mal-art il-ħin kollu biex naraw li nkunu qegħdin nisimgħu x’għandhom bżonn in-nies u niddeliverjaw u nagħtu r-riżultati fil-policies tagħna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend