Raġel arrestat f’Għawdex fuq sewqan perikoluż u reżistenza – One News

Notifiki

Raġel arrestat f’Għawdex fuq sewqan perikoluż u reżistenza

Raġel ta’ 30 sena miż-Żejtun ġie arrestat mill-Pulizija f’Għawdex wara li allegatament saq b’manjiera perikoluża bil-karozza tiegħu f’Marsalforn. Dan filwaqt li allegatament rreżista bil-forza li jiġi arrestat mill-Pulizija.

Kienu għall-ħabta ta’ nofs il-lejl, x’ħin il-Pulizija fl-Għassa r-Rabat, Għawdex, ġew infurmati li hemm raġel qiegħed ikisser xi umbrellel fil-bajja u anke saq bil-vettura tiegħu fuq is-siġġijiet li hemm max-xatt.

Waqt li l-Pulizija tad-Distrett kienu sejrin fuq il-post, mat-triq lemħu l-karozza li ġiet irrapportata lilhom li kienet qed tinstaq b’veloċita qawwija fil-karreġġjata l-ħażina u li kienet ġejja dritt fid-direzzjoni tal-Pulizija. L-Uffiċjali li kienu fil-vettura tas-servizz irnexxielhom jevitaw l-karozza tar-raġel filwaqt li baqgħu jsegwuha, iżda s-sewwieq injora s-sirena u żied fil-veloċità.

Il-Pulizija tad-Distrett, assistiti mill-Pulizija tar-RIU, irnexxielhom jiċċirkondaw u jwaqqfu lkarozza fir-Rabat. Ix-xufier ġie ordnat biex joħroġ immedjatament mill-karozza iżda ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u anke beda jhedded lill-istess Pulizija u fl-istess waqt irreżista l-arrest.

Wara xi ħin, il-Pulizija rnexxielha tikkontrollah u tarrestah fejn ittieħed lejn il-lock-up talPulizija, fir-Rabat, Għawdex, fejn baqa’ jkun aggressiv.

Minħabba li kien hemm suspett li huwa kien taħt l-effett tal-alkoħol, intalab jipprovdi kampjun tan-nifs, iżda wara li ġie imwissi diversi drabi, ir-raġel irrifjuta u kontinwament baqa’ jhedded lill-Pulizija.

Ir-raġel ta’ 30 sena tressaq il-Qorti t’Għawdex,u ġie akkużat li attakka jew għamel reżistenza u li nġurja u hedded numru ta’ Uffiċjali tal-Korp, li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi li ngħataw lilu u li fixkel xogħol l-Uffiċjali. Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-buon ordni, li nstab fi stat ta’ sakra u li saq b’mod traskurat, perikoluż jew bla kont meta ma’ kienx f’kundizzjoni li jsuq u li rrifjuta li jagħti kampjun tan-nifs.

Huwa wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet. L-investigazzjonijiet qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett t’Għawdex.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend