BIL-FILMAT: Persuni jkellmu lill-pulizija dwar għal min kienet il-bomba li allegatament prova jdaħħal Calleja – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Persuni jkellmu lill-pulizija dwar għal min kienet il-bomba li allegatament prova jdaħħal Calleja

Żewġ persuni tkellmu mal-Pulizija u taw indikazzjoni għal min setgħet kienet il-bomba li allegatament xtara u prova jdaħħal f’Malta Jomic Calleja ta’ erbgħa u tletin sena.

Is-Supretendent George Cremona u l-ispettur Omar Zammit infurmaw lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li fl-aħħar ġranet żewġ persuni tkellmu mal-Pulizija u taw indikazzjoni għal min seta’ kien fil-mira tal-akkużat.

Għaldaqstant, il-prosekuzzjoni qalet li bħalissa tinsab fi stadju delikat tal-investigazzjonijiet tagħha sabiex tistabillixi jekk din l-informazzjoni hiex veritiera.

F’Awwissu li għadda l-Pulizija marret f’Ariżona l-Amerka fejn hemmhekk kien hemm espert li neħħa l-isplussiv li allegatament prova jixtri Calleja. Il-pakkett intbagħat lejn Malta mingħajr l-isplussiv fih.

L-isplussiv li kellu jinġieb hawn Malta kien moħbi f’sound speaker.

Allegatament Jomic Calleja prova jixtri l-velenu, materjal radjoattiv kif ukoll splussiv tat-tip C-4.

Allegatament l-imputat kien se jixtri dawn l-affarijiet taħt isem falz, ta’ Roger Tabone iżda Lizienn Borg, uffiċjal ta’ Identity Malta xehdet li l-isem ta’ Roger Tabone ma nstabx fir-reġistru pubbliku.

Fil-qorti xehed ukoll Carmel Grech, il-missier bioloġiku ta’ Jomic Calleja.

L-ispettur Omar Zammit saqsih jekk qattx iffirma kuntratt biex jikri showroom f’Ħal Qormi. Huwa wieġeb le għalkemm il-kuntratt juri firma u numru tal-karta tal-identità ta’ Carmel Grech.

F’xhieda f’seduta preċedenti, is-sidien tax-showroom qalu li kien Calleja li ffirma l-kuntratt.

Għaldaqstant, il-Qorti ħatret espert sabiex jeżamina l-kaligrafija tal-kitba.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend