BIL-FILMAT: Tibda ħidma biex jitneħħew il-fdalijiet tal-Lady Sandra li f’maltempata ġie f’biċċtejn – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Tibda ħidma biex jitneħħew il-fdalijiet tal-Lady Sandra li f’maltempata ġie f’biċċtejn

Vapur ankrat bejn sema u ilma maqsum min-nofs.

Din kienet ix-xena li ra quddiemu crew ta’ One News meta ħareġ madwar għaxar mili nawtiċi ‘l barra minn Malta sabiex jara x’fadal mit-tanker Lady Sandra.

Kien fil-25 ta’ Marzu li dan il-vapur irreġistrat it-Togo sab lilu nnifsu f’nofs maltempata qalila. Ir-riħ fil-baħar dakinhar saħansitra beda jlaħħaq il-forza 9.

Ftit wara d-disgħa u nofs ta’ filgħaxija, il-Forzi Armati ta’ Malta tidħlilha sejħa għall-għajnuna waqt li l-Landy Sandra kien fil-Grigal ta’ Malta u minnufih tiskatta operazzjoni delikata ta’ salvataġġ f’baħar jibla’ l-art b’mewġ għoli li jlaħħaq il-ħames metri.

Permezz tal-Patrol boat Melita 1 tal-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ helikopter, dakinhar ġew salvati tliet baħrin f’sogru liema bħalu.

Illum il-ġurnata l-Lady Sandra għadu ankrat fl-ibħra territorjali Maltin.

F’nofs baħar bħal relikwa ta’ memorji xejn sbieħ għal dawk li fil-25 ta’ Marzu kienu fuqu u għal membri tal-Forzi Armati li f’nofs lejl ipperikolaw ħajjithom fuqu sabiex jaqdu dmirijiethom.

Madankollu jidher li bdiet ħidma sabiex dan il-vapur issa jitneħħa mill-ibħra territorjali Maltin.

Kelliem għal Transport Malta kkonferma ma’ dan l-istazzjon li hemm komunikazzjoni mas-sidien tal-Lady Sandra sabiex jieħdu l-passi neċessarji kollha u kemm jista’ jkun malajr jitneħħew il-fdalijiet ta’ dan it-tanker.

Transport Malta kkonfermat ukoll li s-sidien tal-bastiment qabbdu kumpanija sabiex issegwi u tneħħi l-fdalijiet tal-vapur. Il-parti mill-bastiment ġol-ibħra Maltin tinsab fuq wiċċ l-ilma u ma kienx fiha ebda materjal perikoluż, għaldaqstant m’hemmx riskju.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend