€100 miljun f’nefqiet mill-Gvern għall-Covid-19 fl-ewwel 3 xhur tas-sena – One News

Notifiki

€100 miljun f’nefqiet mill-Gvern għall-Covid-19 fl-ewwel 3 xhur tas-sena

Fl-ewwel kwart tas-sena l-Gvern nefaq ftit aktar min-nofs biljun ewro, żieda iżjed milli previst fil-Baġit għal din is-sena.

Dan hu dovut peress li f’dan il-perjodu l-Gvern nefaq mat-tlieta u disgħin miljun ewro f’miżuri biex inaqqas l-impatt negattiv li ġabet magħha l-imxija tal-Coronavirus u biex is-settur privat iżomm l-impjegati fl-impjieg.

Dan ħalla l-effett tiegħu hekk kif ir-rata’ tal-qgħad f’dan il-perjodu nżammet taħt l-4,000 persuna.

Dawn iċ-ċifri ngħataw mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna f’laqgħa mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD bi preparazzjoni għall-baġit multi-miljunarju li se jressaq il-Gvern nhar it-Tnejn li ġej.

Il-Professur Scicluna qal li dan il-baġit se joffri inċentivi lin-negozji sabiex l-ekonomija tiġi stimulata wara l-imxija tal-Covid-19 u għaldaqstant sehem l-imsieħba soċjali f’dan il-proċess huwa kruċjali.

Qal li dan il-baġit mhux se jieħu post dak li normalment ikun imressaq f’Ottubru iżda huwa meħtieġ fiċ-ċirkostanzi straordinarji li ġab miegħu dan il-virus sabiex ikunu mħarsa l-impjiegi u l-ħaddiema.

Il-Ministru Scicluna qal: “Li trid tilħaq hu li tgħin lin-negozji, li jkomplu jiġu sostnuti, l-impjiegi jibqgħu hemmhekk ħalli meta imbgħad meta d-domanda tiġi f’tagħha ma tkunx otort imma tkun b’saħħtek. Aħna nixtiequ li pajjiżna jkun kompetittiv, il-Gvern lest li jgħin u nisperaw li l-baġit jolqot dawn l-oġġettivi.”

Il-Ministru rrimarka li minkejja li pajjiżna sofra bħall-bqija tad-dinja, diversi setturi tal-ekonomija komplew għaddejjin bil-ħidma minħabba d-diversifikazzjoni tal-ekonomija Maltija, fosthom il-qasam tal-kostruzzjoni u s-suq tal-proprjetà.

Dawn iż-żewġ setturi rreġistraw żieda fil-valur miżjud ta’ 14.1% u 9.2% rispettivament.

Min-naħa tiegħu l-Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali Carmelo Abela sostna li wara li l-Gvern laħaq patt soċjali fi ħdan l-MCESD, huwa żamm kelmtu u baqa għaddej b’ħidma kontinwa sabiex jiġu salvati l-impjiegi, u l-ħaddiema jibqgħu b’pagi diċenti u kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa.

Qal li s-sagrifiċċji li saru minn kulħadd, jidher biċ-ċar li qed iħallu l-frott, anke meta wieħed iqabbel is-sitwazzjoni ta’ Malta ma dik ta’ pajjiżi oħra, hekk kif id-differenza hija sinifikanti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend