Stabbilimenti Għawdxin jinnutaw aktar minn 90% okkupanza   – One News

Notifiki

Stabbilimenti Għawdxin jinnutaw aktar minn 90% okkupanza  

Fi tmiem il-ġimgħa stabbilimenti tal-akkomodazzjoni Għawdxin innutaw okkupanza ta’ aktar minn 90%.

Din iċ-ċifra ħarġet waqt żjara mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri fil-gżira tat-tliet għoljiet.

Waqt din iż-żjara intqal kif l-indikazzjonijiet juru li mindu ġew rilaxxati numru ta’ miżuri partikolarment fl-istabbilimenti tal-ikel, jidher li t-turiżmu intern qabad ġmielu.

Sostna dan il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu s-Sur Joe Muscat.

“Dan il-weekend bħala settur turistiku f’Għawdex b’mod speċjali fejn tidħol l-akkomodazzjoni nistgħu nirrappurtaw li huwa weekend busy ħafna. Għandna diversi stabbilimenti li qegħdin jirrapurtaw ‘il fuq minn 90% tal-okkupanza tal-istabbilimenti tagħhom u dan juri l-importanza tas-suq domestiku għall-gżira Għawdxija.”

Fil-fatt tkellimna wkoll ma’ sid ta’ stabbiliment li esprimiet is-sodisfazzjoni tagħha hekk kif fl-aħħar tmiem il-ġimgħa l-imwejjed tagħha kienu mimlija.

“Ninsabu sodisfatti dan il-weekend li morna aħjar mil-weekend li għadda u ninsab fiduċjuża li l-affarijiet ser ikomplu mexjin ‘il quddiem.”

Il-Ministru għat-Turizmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia sostniet kif il-Gvern mal-ewwel kellu strategija ċara ta’ fejn irrid jasal u hemm indikazzjonijiet li Ġunju, Lulju u Awwissu ser ikunu wkoll xhur pożittivi għat-turiżmu f’Għawdex.

“L-ewwel parti tal-istrateġija tagħna kienet imsejsa fuq it-turiżmu intern u l-figuri juru b’mod tajjeb ħafna li l-Maltin għażlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni tagħhom bejn Ġunju, Lulju u Awwissu u dan huwa ta’ inkoraġġiment.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal mod kif Għawdex qed jirranka wara l-imxija.

“Qed ikun hemm okkupanza tajba u ħafna Maltin qegħdin jagħżlu li jagħmlu l-vakanza tagħhom dan is-Sajf propju ġewwa Għawdex. Qegħdin jagħmluha mhux għax ma hemmx option iżda qegħdin jagħmluha b’konvinzjoni.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend