Ritorn għan-normalità hekk kif minn nhar il-Ġimgħa se jitneħħew il-kumplament tar-restrizzjonijiet – One News

Notifiki

Ritorn għan-normalità hekk kif minn nhar il-Ġimgħa se jitneħħew il-kumplament tar-restrizzjonijiet

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru qal li nhar il-Ġimgħa li ġej se jimmarka r-ritorn għan-normalità li tant ilna għatxana għaliha.

“Se nirritornaw għal ħajja tan-normalità kif nixtiequha grazzi għall-poplu Malti u Għawdxi li kien dixxiplinat u għall-impenn tal-ħaddiema tas-saħħa fost oħrajn”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja fil-preżenza tal-ġurnalisti.

“Ħamsa ta’ Ġunju se jidħlu fis-seħħ it-tneħħija tal-bqija tal-miżuri restrittivi. Illi konna daħħalna f’dawn l-aħħar ġimgħat. Infakkar li fl-4 ta’ Mejju tneħħew l-ewwel sett ta’ miżuri restrittivi, 22 ta’ Mejju tneħħa, tieni sett ta’ miżuri. Ir-riżultati mill-aspett mediku mhux talli ma tellawx ‘il fuq, jiġifieri li tkellmu dwar l-ispike jew it-tieni mewġa, mhux talli ma mmaterjalizzax talli bis-saħħa ta’ kulħadd, bil-ħidma li għamel kulħadd, in-numri baqgħu neżlin ‘l isfel.”

Semma kif mill-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju se nkunu qed niffaċilitaw u nissimplikaw il-protokolli.

“Fuq kollox nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju se timmarka milestone li hija importanti ħafna. Kif nafu f’dawn l-aħħar ġimgħat mat-tneħħija ta’ kull miżura restrittiva kien hemm protocols illi daħħlu sabiex niżguraw illi il-ftuħ ta stabilimenti bl-aktar mod sigur biex dejjem jinżamm il-prinċipju tas-saħħa tal-poplu tibqa’ l-ewwel. L-istess nhar il-Ġimgħa se nkunu nimxu b’dan il-prinċipju imma billi niffaċilitaw l-affarjiet b’mod sempliċi, jiġifieri se nżommu l-prinċipju ewlieni tas-saħħa tal-poplu tibqa’ l-ewwel imma se nkunu qed nissimplifikaw l-affarjiet.”

Il-Prim Ministru qal li d-distanza soċjali għandha tibqa’ tinżamm filwaqt li aċċenna fuq l-iġjene fosthom il-ħasil sew tal-idejn u l-ilbies tal-maskri.

Il-Prim Ministru semma wkoll kif issa għandna data ċara tal-ftuħ tal-ajruport u Malta se jkollha titjiriet u vjaġġi lejn dsatax-il pajjiż.

Dr. Abela qal ukoll li bħal-lum ġimgħa, it-Tnejn 8 ta’ Ġunju se jiġi preżentat budget multi-miljunarji sabiex nagħtu stimulu lill-ekonomija u nirringrazzjaw lin-negozji tagħna li kienu tant reżiljenti.

“Issa l-waqt li nkomplu ninċentivaw il-bżulija”, qal il-Prim Ministru.

Intant id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-gwerra tal-Coronavirus irbaħniha u issa rridu ngħixu fil-paċi.

“Din il-gwerra aħna irbaħnija, u issa rridu nirbħu il-paċi. Vera li għad hemm pajjiżi li għandhom il-Coronavirus madwar id-dinja imma ma jfissirx li għax hemm f’pajjiżi oħra rridu nibqgħu bil-gwerra ġewwa Malta ukoll. Għalhekk aħna illum nistgħu nieħdu dawn il-passi li qed insemmu, qedin f’sitwazzjoni tajjba. L-R factor illum huwa ta’ 0.5. Baxx. In-numri ġurnata wara l-oħra huma qed ikunu baxxi.”

Chris Fearne qal li jekk xi darba terġa’ tfeġġ pandemija, il-qasam tas-saħħa tagħna hu mħejji għal kull eventwalità.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tħabbar ukoll li se jiftħu ċ-childcare centres bi protokolli ċari u eventwalment anki l-iskejjel.

“Illum il-ġurnata issa qed naraw li fis-sitwazzjoni li qegħdin bħalissa issa propju nistgħu niftħu iċ-childcare centres, pero se jkunu b’differenza. Ħalli hekk il-ġenituri, iktar inserħulhom moħħhom, meta huma jkunu qed jibagħtu t-tfal tagħhom f’dawn iċ-childcare centres.”

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tkellmet dwar l-attivitajiet tal-massa u qalet li ma jistgħux jiġu organizzati attivitajiet bħal ma kellna s-sajf tas-sena l-oħra.

Minn nofs Ġunju se tkun qed terġa’ tibda l-quddies b’ċerti kundizzjonijiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend