Disa’ lokalitajiet oħra se jgawdu minn tħaddir – One News

Notifiki

Disa’ lokalitajiet oħra se jgawdu minn tħaddir

Disa’ lokalitajiet se jkunu qed jibbenefikaw fit-tieni fażi mill-iskema ta’ tħaddir fl-urban fejn ser isiru aktar proġetti ambjentali. Dan il-proġett totali se jsir b’investiment ta’ madwar miljun ewro.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li qal kif din l-iskema għandha l-iskop li tħaddar żoni urbani, iżda wkoll biex tkun ta’ benefiċju għas-saħħa mentali u fiżika għal dawk in-nies li jgħixu fl-lokalitajiet fejn hemm popolazzjoni għolja u li m’hemmx ħafna żoni ta’ ħdura.

Il-Ministru Farrugia qal kif dan il-proġett ikompli mas-seba’ proġetti tat-tħaddir li tħabbru ftit tal-ġimgħat ilu.

Id-disa’ lokalitajiet li se jibbenefikaw minn din it-tieni fażi tal-iskema huma ir-Rabat, il-Belt Valletta, Santa Venera, Marsaxlokk, Ħal Qormi, l-Isla, Qrendi, ix-Xagħra u San Lawrenz f’Għawdex.

Il-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia qal kif kull lokalità ser tingħata madwar tletin elf ewro iżda Ħal Qormi se jibbenefika minn mija u ħamsa u disgħin elf ewro hekk kif ħa se jinbena wkoll ġnien pubbliku.

“Hawnhekk se naraw tħawwil ta’ siġar, arbuxelli u proġetti li se jkomplu jħaddru ż-żoni urbani, allura fejn il-Maltin u l-Għawdxin jgħixu u jixtiequ ilhi jkollhom żoni rikkreazzjonali tagħhom.”

Żewġ sindki f’Malta faħħru din l-inizzjativa hekk kif se tħaddar lil-lokalitajiet tagħhom.

Is-sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit qal li “minn Ottubru li ġej naraw dawn il-planters fit-toroq u b’hekk mhux biss insebħu l-ambjent imma anke naħħu s-saħħa tagħna.” Filwaqt, li s-sindku tar-Rabat Sandro Craus qal li “nkomplu ninkoraġġixxu r-residenti b’dawn il-proġetti biex anke huma jkomplu jsebbħu l-gallariji tagħhom per eżempju, ħdejn il-bieb tagħhom biex fl-aħħar mill-aħħar ikollna ambjent san.”

Dawk il-lokalitajiet fil-gżira tat-tliet għoljiet ma ntesewx u allura ma setax jonqos li żewġ Sindki oħra f’Għawdex jirrimarkaw kemm din l-inizzjattiva se tagħmel ġid.

Is-sindku ta’ San Lawrenz Noel Formosa qali li “dan se jkun proġett illi permezz tiegħu l-lokalità tagħna se tkompli tisbiħ u wkoll se tkompli tilqa’ fiha mistednin kemm barranin u anke Maltin illi jiġu jżuruna.” Filwaqt li s-sindku tax-Xagħra Christian Zammit qal li “permezz tiegħu se nkunu qed nagħmlu diversi planters, scrubs u arbuxelli fil-pjazza tax-xagħra biex nerġgħu nħaddru din il-pjazza tant importanti għalina x-Xagħrin u għalina l-Għawdxin.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend