Daħlet għall-pulizija biex tgħin nies fi vjolenza domestika  – One News

Notifiki

Daħlet għall-pulizija biex tgħin nies fi vjolenza domestika 

L-għatx biex tgħin lil ħaddieħor speċjalment dawk vittmi ta’ vjolenza domestika wassalha tagħmel il-pass u tapplika biex tissieħeb fil-Korp tal-pulizija.

Din hija Kelsey Bugeja, waħda mis-sitta u erbgħin rekluta li bħalissa għaddejjin b’taħriġ intensiv biex finalment isiru pulizija.

It-taħriġ akkademiku u fiżiku jinvolvi taħriġ prattiku u teoretiku.

Ir-rekluta Bugeja qalet li d-dixxiplina minn dejjem kienet valur li ħadnet u saħqet li dejjem kellha l-ħeġġa biex tara li ikun hemm bidla pożittiva.

“Għall-ewwel nixtieq inkun ġewwa distrett biex nigħallem kemm nista’, imbagħad nixtieq immur fi vjolenza domestika.”

Min-naħa tiegħu, Andre Mifsud joħlom li jilbes l-uniformi tal-korp wara li ra l-missieru jagħmel dan.

“Għandi missieri pulizija, dejjem rajtu immur ix-xogħol b’kuntentizza u b’integrità kbira, u xtaqt inkompli fil-passi tiegħu biex inkompli ngħin lil Malta timxi il-quddiem.”

Waqt żjara li għamel lil l-Akkademija tal-Forzi Dixxiplinati, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri appella lir-rekluti l-ġodda biex jidħlu għal dan ix-xogħol b’rieda li jġibu bidla pożittiva f’pajjiżna.

Qal li r-rekluti jridu jkunu strumentali biex iġibu fis-seħħ riformi li qed isiru biex jittejjeb l-operat tal-Korp.

Il-Ministru enfasizza li s-sejħa għall-pulizija li għadha miftuħa hija differenti minn sejħiet oħra li ħarġu fis-snin l-imgħoddija, hekk kif fost l-oħrajn ittieħdet id-deċiżjoni li wieħed jista’ japplika sa meta jkollu d-disgħa u tletin sena.

“Li ħa nitlob minnkom huwa li tkunu ambizzjużi, aħna bħala politiċi jiena bħala Ministru nista nagħmel bosta strateġiji, nista nagħmel ħafna bidliet, pero l-bidliet li nista’ nagħmel jien ikunu biss fuq il-karta. Intom biss tistgħu timplimentawhom dawk il-bidliet. U jekk verament irridu li ikun hemm bidla lejn affarjiet aħjar fil-korp tal-pulizija, intom biss tistaw timplimentawhom. Ħa tkunu fl-għasses tagħna, ħa tkunu man-nies u ħa tkunu qed tagħmlu dan ix-xogħol.”

Il-Ministru fisser kif l-irwol tal-pulizija nbidel hekk kif ħafna ħidma hi bbażata fuq il-ġbir ta’ intelliġenza u anke l-użu tat-teknoloġija.

F’dan il-kuntest, il-Ministru Camilleri saħaq li aktar nies validi se jkunu jistgħu jersqu lejn il-Korp tal-Pulizija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend