Adrian Delia skorrett dwar il-qgħad f’pajjiżna  – One News

Notifiki

Adrian Delia skorrett dwar il-qgħad f’pajjiżna 

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kien skorrett għall-aħħar meta sostna li madwar 11,000 persuna f’Malta jinsabu bl-impjieg minħabba l-effetti tal-pandemija Covid-19.

Sostna dan il-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet virtwali hekk kif spjega li konvenjentament Adrian Delia uża ċ-ċifra li fiha kienet tinkludi nies li qegħdin fuq il-benefiċċji soċjali relatati mal-imxija.

Fost dawn hemm ġenituri li mhumiex imorru għax-xogħol sabiex jieħdu ħsieb uliedhom sakemm jgħaddi dan iż-żmien ta’ pandemija.

Fil-fatt il-Partit Laburista kwota ċifra mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika li turi kif sal-aħħar ta’ April kienu biss 3,979 persuna li jinsabu jirreġistraw għal impjieg.

Din il-figura hija kważi 3 darbiet inqas mill-ammont ta’ persuni bla impjieg skont il-Kap tal-Oppozizzjoni.

B’hekk il-Partit Laburista sostna li b’dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet l-Oppożizzjoni qed tixħet dawl fuq in-nuqqas ta’ kapaċità tagħha fejn tidħol l-analiżi ekonomika u soċjali.

Fil-verita Adrian Delia spiċċa fixkel l-ammont ta’ persuni li applikaw għall-benefiċċji relatati mal-COVID-19 mal-ammont ta’ dawk li qed ifittxu impjieg.

“Meta wieħed jara din il-konklużjoni, turi kemm l-Oppożizzjoni ma tafx x’qed tgħid, ma tafx x’qed tagħmel u kemm mhijiex realistika mal-pubbliku hemm barra…Jien naffaxina ruħi kif l-Oppożizzjoni tipprova wkoll anke f’mumenti sensittivi bħal dawn, tiskorja punti politiċi li fl-aħħar mill-aħħar qed jissarrfu f’auto-goals,” sostna d-Deputat Ian Castaldi Paris.

Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo saħaq kemm dan “hu Gvern li ħoloq l-opportunitajiet ta’ xogħol anke fi żminijiet u f’ċirkostanzi straordinarji bħal tal-lum, u għadna qed niġġieldu biex inkomplu noħolqu l-opportunitajiet tax-xogħol u ta’ kuljum naraw kif filwaqt li nseddqu l-investiment li għandna f’pajjiżna, naħdmu biex dejjem nattiraw iżjed investiment ġdid lejn dan il-pajjiż.”

Intant iż-żewġ deputati Laburisti fakkru kif bħal-lum ġimgħa, il-Gvern se jkun qed iħabbar baġit multi-miljunarju fejn se nkunu qed inħabbru iżjed għajnuna sabiex l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ tirpilja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend