Il-posta Maltija hija l-orħos fost 31 pajjiż – One News

Notifiki

Il-posta Maltija hija l-orħos fost 31 pajjiż

Il-posta Maltija hi l-aktar affordabbli minn wieħed u tletin pajjiż fosthom l-istati membri tal-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi fiż-żona ta’ kummerċ ħieles fl-Ewropa li jinkludi in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Iżvizzera f’daqqa.

Skont stħarriġ imħejji mid-Deutsche Post, il-konsumatur Malti jħallas tletin ċenteżmu għal ittra domestika filwaqt li l-medja Ewropea hija dik ta’ ewro u tnax –il ċenteżmu.

Dan filwaqt li l-prezz Malti għal ittra li tintbagħat f’pajjiż Ewropew tiswa disgħa u ħamsin ċenteżmu meta l-medja Ewropea hija ta’ ewro u sebgħa u sittin ċenteżmu.

Il-Kap Eżekuttiv għall-Operat tal-kumpanija Maltapost, Adrian Vassallo, stqarr li dan is-servizz affordabbli għandu prezz.

“Aħna noffru ħafna iktar servizzi barra l-ittri tradizzjonali. Ikun hemm servizzi fejn aħna nagħmlu telf u hemm servizzi li huma iktar viabbli allura dawk ipattu għal xulxin.”

L-istħarriġ wera wkoll li l-ħaddiem Malti jrid jaħdem minuta u tlieta u erbgħin sekonda biex ikopri l-ispejjeż ta’ ittra normali filwaqt li l-Greċja ħaddiem jaħdem disa’ minuti u fl-Iżvizzera ħaddiem irid jaħdem minuta u ħamsa u tletin sekonda.

Kawża tal-pandemija, Vassallo stqarr li l-operat tal-posta kellu jinbidel kemxejn biex il-ħaddiema jkomplu jaħdmu mingħajr xkiel.

“Żidna n-numru ta’ delivery centres li nużaw f’Malta u Għawdex, fejn qabel konna erbgħa  issa rduppjajnihom, u iktar milli rduppjajnihom għandna disa’ delivery centres allura n-nies begħednihom minn xulxin. Barra minn hekk, qed jidħlu f’ħinijiet differenti.”

Il-kumpanija rrevediet ukoll it-tariffi tagħha biex tkompli tassorbi l-ispejjeż għal posta ridirezzjonata. Dan is-servizz ser jingħata bla ħlas fl-ewwel sitt xhur għall-individwi u għaqdiet mhux governattivi filwaqt li ser jibdew iħallsu għaxar ewro kif jgħaddu l-ewwel sitt xhur.

Negozji u entitajiet oħrajn se jkollhom ħlas ta’ għaxar fix-xahar fl-ewwel 12-il xahar, filwaqt li s-servizz mhux se jkun iżjed disponibbli għan-negozji wara li tiskadi s-sena.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend